Filmat: U-Turn dwar l-ispeed camera fin-Naxxar…imma mhux it-tmiem

Tneħħew is-sinjali li jindikaw li fin-Naxxar kienet se tiġi installata speed camera b’veloċità massima ta’ 40 kilometru fis-siegħa. Dan ftit sigħat wara kontroversja onlajn instigata minn artiklu ta’ Newsbook.com.mt.

Kienu bosta s-sewwieqa li esprimew ir-rabja tagħhom. Uħud b’mod sarkastiku qabblu l-veloċità massima tat-triq ma’ pass mgħaġġel ta’ persuna.

Newsbook.com.mt reġa’ mar fuq il-post fi Triq San Pawl biex jivverifika dak li ġara. Mhux talli tneħħew is-sinjali kollha tal-ispeed camera imma tneħħew ukoll dawk is-sinjali li jindikaw il-veloċità massima tat-triq.

Is-Sindku tan-Naxxar Anne Marie Muscat Fenech Adami kkonfermat ukoll ma’ Newsbook.com.mt li dawn is-sinjali tneħħew. Għal darb’oħra dan sar bla konsultazzjoni ta’ xejn mal-Kunsill Lokali. Il-Kunsill diġà kien sorpriż meta dawn ġew installati għall-ewwel darba.

Filmat: Speed camera ġdida; ma tistax taqbeż l-40 km

Is-Sindku qalet li l-Kunsill jilqa’ l-aħbar tat-tneħħija ta’ dawn is-sinjali tal-ispeed camera, però jispera li ma terġax tiġri xi ħaġa simili fil-futur.

Kelliem għal Transport Malta qal ma’ Newsbook.com.mt li l-idea oriġinali kienet li l-Pulizija jużaw l-ispeed guns tagħhom f’din iż-żona u li ma kenitx se tiġi installata speed camera permanenti. Qal ukoll li kien hemm pjanijiet biex dan isir f’aktar postijiet madwar Malta. Però issa, wara t-tneħħija tas-sinjali li kienu għadhom kemm iżżanżnu mhux magħruf jekk dawn il-pjanijiet għadhomx fis-seħħ.

Newsbook.com.mt ma rċieva l-ebda risposta mingħand il-Pulizija għall-mistoqsijiet li bagħat dwar is-sitwazzjoni sal-ħin tal-pubblikazzjoni tal-artiklu.

Filmat: Nicole Borg