Filmat u Ritratti: Żgħażagħ Maltin jgħinu lil tfal fil-Kambodja

Read in English.

Grupp ta’ 10 żgħażagħ Maltin iddeċidew li jagħmlu xi ħaġa mhux tas-soltu u jiddedikaw ħinhom biex jgħinu f’orfanatrofju tat-tfal fil-Kambodja.

Gaby, Sean, Cheryl, Steve, Angie, Amy, Shantelle, Marija, Sarah u Dorianne bħalissa qegħdin il-Kambodja f’isem l-għaqda volontarja Reaching Cambodia. Din l-għaqda tgħin tfal fqar, orfni u dawk li jgħixu fit-triq.

“Veru ħelwin, japprezzaw kollox u mimlijin enerġija”

Iż-żgħażagħ se jagħmlu b’kollox ġimagħtejn jgħinu u jieħdu gost fil-kumpanija tat-tfal. Iż-żgħażagħ qalu li t-tfal huma veru ħelwin, japprezzaw kollox u mimlijin enerġija. It-tfal jipparteċipaw f’attivitajiet u logħob differenti. Kollox jiġi organizzat apposta għalihom, kant, żfin, qari u anka krafts. Aktar minn hekk, il-voluntiera jagħmlu xi ħin jgħallmu l-matematika u l-Ingliż, jgħallmu kif wieħed jista’ jagħti l-għajnuna, jagħmlu xi lezzjonijiet ta’ tisjir kif ukoll tagħlim ieħor li jiġu bżonnu tul ħajjithom.

Sean tkellem ma’ Newsbook.com.mt u qal li min-naħa tagħhom qed jesperjenzaw xi tfisser tgħix ħajja semplici, filwaqt li jaraw lit-tfal japprezzaw dak kollu li qed isir magħhom. L-għaqda Reaching Cambodia spjegat kif il-fatt li dawn it-tfal twieldu f’pajjiż fejn hemm l-ogħla rati ta’ prostituzzjoni, vjolenza domestika u tfal li jiġu sfurzati jaħdmu taħt l-età, tagħmilhom fost l-aktar tfal imċaħħda, sfruttati u abbużati fid-dinja.

Il-voluntiera huma dejjem apprezzati, jekk titħajjar tista’ tirreġistra billi tibgħat email fuq volunteer@reaching-cambodia.com jew billi ċċempel fuq 79056371.