Filmat u ritratti: “Dak li għamel Trump huwa illegali”; Maltin b’solidarjetà mal-Palestinjani

L-Ambaxxata Palestinjana f'Malta flimkien mal-Moviment Graffiti, organizzaw dimostrazzjoni b'solidarjetà mal-Palestinjani.
Dan wara li l-President Amerikan Donald Trump irrikonoxxa lil Ġerusalemm bħala l-kapitali ta’ Iżrael.
Għadd ta' persuni nġabru quddiem il-Parlament u wrew solidarjetà mal-Palestinjani u kkundannaw dak li għamel Trump.
Bi żfin, kant u diskorsi, huma appellaw lill-pajjiżi biex jirrikonoxxu l-Istat tal-Palestina u Lvant ta' Ġerusalemm bħala l-kapitali tiegħu.
Il-Moviment Graffiti saħaq li dak li jiġri fil-Palestina huwa l-agħar forma ta' kolonjaliżmu u saħaq li l-kunflitt mhuwiex dak li ħafna drabi jiġi mpinġi, jiġifieri bejn il-Musulmani u l-Lhud.

"Dan huwa każ ta’ stat li jrid jikkolonizza u jaħtaf l-art," saħaq Moviment Graffiti.
Qal li l-istat Iżaeljan jinsab fuq naħa, u fuq in-naħa l-oħra poplu li spiċċa imkeċċi minn artu – il-poplu Palestinjan.
Insista li dak li għamel Trump huwa illegali u irresponsabbli iżda saħaq li l-Palestinjani se jibqgħu jirreżistu u la Trump u lanqas l-Iżrael mhu se jwaqqaf dan.
Preżenti kien hemm ukoll l-Alternattiva Demokratika li ħeġġeġ lill-Unjoni Ewropea biex tieħu rwol ċentrali biex tintemm "l-okkupazzjoni illegali" tal-Palestina mill-Iżrael.

 

Iżrael dejjem qis lil Ġerusalemm kollha bħala l-kapitali tiegħu, iżda l-Palestinjani jgħidu li l-Lvant tal-belt, li Iżrael qabad u okkupa wara l-gwerra tal-1967, huwa tagħhom.
Id-dikjarazzjoni ta' Trump wasslet għal protesti, tensjoni u ġlied bejn l-Iżrael u l-Palestina u anke ġabet il-kundanna ta' għadd ta' stati oħra.
Stqarrija maħruġa minn 22 pajjiż, fosthom ħbieb tal-Istati Uniti, tgħid fost l-oħrajn li minn issa ’l quddiem l-Istati Uniti ma tistax tibqa’ tittieħed bis-serjetà meta titkellem fuq il-paċi fil-Lvant Nofsani.
Il-Prim Ministru Joseph Muscat, qal li l-Gvern ma jaqbilx li l-Ambaxxata Amerikana timxi minn Tel Aviv għal Ġerusalemm, u lanqas li Ġerusalemm tkun rikonoxxuta bħala l-kapitali ta’ Iżrael.
Anki l-Partit Nazzjonalista ma qabilx mal-President Amerikan, u sejjaħ id-deċiżjoni tiegħu bħala waħda fid-direzzjoni żbaljata u li se xxekkel il-proċessi għall-paċi fir-reġjun.