Filmat u ritratti: L-immigranti tal-Ocean Viking jaslu Malta

Read in English.

Tard ilbieraħ filgħaxija waslu Malta t-356 immigrant li ġew salvati mill-bastiment Ocean Viking wara li nġiebu fil-pajjiż permezz ta’ bastimenti tal-Forzi Armati ta’ Malta. L-immigranti waslu Malta għall-ħabta tal-10pm.

Aqra: L-AFM se ddaħħal l-immigranti fuq Ocean Viking f’Malta

Din id-deċiżjoni li Malta toffri l-għajnuna tagħha lil dawn l-immigranti ġiet imħabbra lbieraħ mill-Prim Ministru Joseph Muscat permezz ta’ tweet, u aktar tard ġiet ikkonfermata permezz ta’ stqarrija mill-Gvern ta’ Malta.

Id-deċiżjoni ttieħdet wara diskussjonijiet mal-Kummissjoni Ewropea u numru ta’ Stati Membri fosthom Franza u l-Ġermanja. Malta se tkun qed tilqa’ lill-grupp ta’ immigranti minkejja li dawn ma ġewx salvati f’ibħra territorjali Maltin. Ocean Viking kien ilu bejn sema u ilma jistenna port ta’ sigurtà għal 14-il jum.

L-immigranti kollha se jiġu rilokati lejn pajjiżi Ewropej oħrajn li huma: Franza, il-Ġermanja, l-Irlanda, il-Lussemburgu, il-Portugall u r-Rumanija. Il-Gvern emfasizzi li l-ebda minn dawn l-immigranti mhu se jibqgħu Malta.

Il-ħajja umana m’għandhiex prezz u l-persuni m’humiex oġġett f’idejn aġendi politiċi żbaljati- PN

Fi stqarrija, il-Partit Nazzjonalista qal li jinnota b’sodisfazzjon li l-kwistjoni Ocean Viking ġiet fi tmiemha.

Il-kelliemi tal-PN Carm Mifsud Bonniċi qal li l-ħajja umana m’għandhiex prezz u 356 persuna m’humiex oġġetti f’idejn agendi politiċi żbaljati.

“Propju għalhekk li l-isfida tal-immigrazzjoni irregolari trid tiġi kkonfrontata b’linja kostanti u mhux b’soluzzjonijiet tal-mument,” hu qal.

Il-Partit Nazzjonalista  stqarr li din hija problema Ewropea li teħtieġ soluzzjoni kollettiva.  Fl-istess waqt il-Partit Nazzjonalista qed jinsisti f’isem l-interess nazzjonali li l-Gvern għandu jaħdem iktar sabiex ikun hemm qbil fil-qsim tas-solidarjetà b’mekkaniżmi legali kostanti.

Il-Prinċipju ta’ solidarjeta’ kruċjali għal pendamenti ewropej –  20 Għaqda Non-Governattiva

Għoxrin għaqda non-governattiva tfaħħar id-deċiżjoni tal-Gvern li jirċievi t-356 immigrant minn fuq l-Ocean Viking.

Huma qalu li l-prinċipju ta’ solidarjeta’, konsidrat bħala l-pedament tal-UE huwa kruċjali biex jiġu salvati l-ħajja tan-nies waqt li l-pajjiżi fil-konfini tal-Unjoni Ewropeja m’għandhomx jibqgħu jġorru l-piż tal-konsegwenzi tal-inadegwatezza politika ewropeja.

 

Filmat: Monique Agius