Filmat u ritratti: Il-Bormliżi jfakkru wiegħda ta’ 73 sena ilu

Illum, il-Bormliżi jfakkru l-wiegħda li kienu għamlu missirijiethom 73 sena ilu u li sal-lum għadha torbot b’imħabba lill-Immakulata Kunċizzjoni u l-poplu Bormliż.
Bħal-lum, fl-1944, il-vara tal-Immakulata Kunċizzjoni u l-kwadru inkurunat, kienu waslu lura f’Bormla minn Birkirkara fejn kienu qed jingħataw il-kenn mill-bombi qerrieda tat-Tieni Gwerra Dinjija.
Il-Bormliżi kienu jafu li belthom se tkun milquta bl-aħrax mill-attakki tal-għadu, ġaladarba kienet tospita t-Tarzna, fejn ħafna mill-bastimenti tal-armata Ingliża kien isir xogħol fuqhom.
Għalhekk riedu li jbiegħdu minn kull periklu żewġ teżori li għadhom jgħożżu sal-lum, il-vara titulari tal-Immakulata Kunċizzjoni u l-kwadru devot, inkurunat fl-1905.
Kien għalhekk li l-Kapitlu Bormliż kien ftihem ma’ dak Karkariż biex dawn iż-żewġ teżori Bormliżi jinżammu għall-kenn fil-Bażilika Elenjana.
Hekk ġara, tant li għal xi snin, il-festa tal-Immakulata Kunċizzjoni kienet tiġi ċċelebrata f’din il-Kolleġġjata, kif jixhdu ritratti tal-vara u l-kwadru armati fil-Bażilika.
Iżda qabel ma ħallew Bormla, il-Bormliżi għamlu wiegħda. Jekk il-Madonna kienet se żżomm qawwi u sħiħ it-tempju Bormliż, li għal snin sħaħ għożżew u żejnu b’opri mill-isbaħ, kienu se jorganizzaw pellegrinaġġ kbir.
Hekk ġara. Minkejja li Bormla spiċċat pjaga waħda, is-Santwarju tal-Immakulata baqa’ wieqaf u l-Bormliżi żammew il-wiegħda tagħhom.
Għall-ħabta tas-1pm, fid-19 ta’ Novembru tal-1944, il-vara tal-Immakulata Kunċizzjoni u l-kwadru inkurunat dehru ħerġin mill-Kolleġġjeta ta’ Santa Elena u nġarru fuq l-ispalla sa Bormla.
 

Eluf ta’ nies inġabru fit-toroq jirringrazjaw u jsellmu l-Madonna.
Il-Bormliżi għadhom isemmu skrizzjoni li tpoġġiet fid-daħla ta’ Bormla li kienet tgħid: “Bormla ferħana tilqa’ lil ommha.”
 

Fil-50 anniversarju minn dan il-pellegrinaġġ, il-vara tal-Immakulata Kunċizzjoni kienet għamlet l-istess traġitt minn Bormla sa Birkirkara u lura (ara l-filmat hawn taħt).
Ta’ kull sena, bħal-lum, il-pellegrinaġġ għadu jkun imfakkar u fid-19 ta’ Novembru sar ikun iċċelebrat ukoll Jum Bormla.
Tista’ tgħid li dan il-jum iservi bħala tfakkira għall-Bormliżi li l-festa hi fil-qrib.
Il-Bormliżi jiċċelebraw il-festa tal-Immakulata Kunċizzjoni bejn it-28 ta’ Novembru, meta l-vara tinħareġ min-niċċa, sas-solennità tat-8 ta’ Diċembru meta l-Knisja tiċċelebra t-tnissil bla tebgħa tal-Madonna.

[youtube https://www.youtube.com/watch?v=UUGOK29gcQg]