Filmat: “Ma rqadtx bl-eċitament li se tibda l-iskola” – student

L-eċitament u l-entużjażmu għal sena skolastika ġdida spikkaw fuq l-uċuh ta’ wħud mill-istudenti li dalgħodu bdew jattendu l-iskejjel primarji u sekondarji madwar Malta u Għawdex.

Newsbook.com.mt mar l-iskola sekondarja ta' Savio College f’Ħad Dingli fejn ħa l-kummenti ta' diversi studenti li qalu tagħhom dwar din l-ewwel ġurnata tal-iskola.

Student partikolari qalilna li l-lejl li għadda ma tantx raqad bl-eċitament li kellu għall-bidu tal-iskola.

B’kuntrarju għal dan, student ieħor qal li lbieraħ raqad kmieni ħafna minħabba li fis-6.30am il-vann tal-iskola jkun diġà wara l-bieb tad-dar.

Oħrajn kienu bejn żewġt iqlub, u filwaqt li jinsabu ħerqanin li reġgħet bdiet l-iskola u ltaqgħu mill-ġdid ma’ sħabhom, sostnew li t-tliet xhur tas-sajf għaddew malajr wisq.

Tkellimna wkoll ma’ Learning Support Assistant  li spjegat kif tħossha eċitata bħall-istudenti u li kull sena fiha l-isfidi partikolari tagħha. 

Is-sena skolastika f'Savio College bdiet b’quddiesa kkonċelebrata minn Patri Eric Cachia, Kap tal-Iskola.