Filmat u Awdjo: Il-Knisja u l-Gvern se jimxu b’awtonomija u b’rispett reċiproku

Fl-ewwel laqgħa mal-Prim Ministru Dr Joseph Muscat li saret fil-Kurja tal-Arċisqof, l-Isqfijiet ta’ Malta, l-Arċisqof Pawlu Cremona u l-Isqof Awżiljaru Mons. Scicluna, qalu li l-Knisja Maltija hi lesta tiddjaloga mal-Gvern għall-ġid komuni. L-Arċisqof Pawlu Cremona saħaq li l-Knisja se tkompli tkun leħen ieħor fis-soċjetà. Qal li minkejja mhux kulħadd jimxi mat-tagħlim nisrani, il-Knisja xorta se tkompli bil-ħidma soċjali u anke se tagħti lill-individwu argumenti fuq xiex jaħseb. Kompla jgħid li d-dmir tal-Knisja se jibqa’ li tagħti importanza lill-familja u ż-żwieġ, iż-żgħażagħ, il-persuni fil-bżonn u anke l-ambjent. Min-naħa tiegħu Dr Muscat afferma li l-Gvern u l-Knisja jaqblu fuq ħafna punti, fosthom dwar il-ħolqien ta’ xogħol fost iż-żgħażagħ u anke l-kwistjoni tal-enerġija. Il-Prim Ministru Joseph Muscat irringrazzja lill-Knisja għax-xogħol li twettaq u jittama li l-Istat u l-Knisja jimxu u jaħdmu flimkien b’awtonomija u b’rispett reċiproku. Fil-laqgħa li damet madwar 20 minuta, Dr Muscat qal li flimkien mal-Isqfijiet iddiskuta l-intenzjoni tal-Gvern li fil-jiem li ġejjin se jkun qed jitlob serje ta’ laqgħat mas-Santa Sede fil-Vatikan, biex il-qrati ċivili Maltin jkunu l-qrati supremi fil-kwistjoni tal-liġi dwar iż-żwieġ. L-Arqisqof Cremona qal li l-Knisja hi disposta tgħin biex l-affarijiet jmorru għall-aħjar. Il-Prim Ministru sostna li l-Gvern se jkompli jgħin finanzjarjament l-iskejjel tal-Knisja u jrid jiddjaloga wkoll dwar id-djar tat-tfal u l-anzjani fost l-oħrajn.