Filmat: Twissijiet tal-ogħla livell minħabba l-vulkan Mount Agung f’Bali

It-twissijiet ta’ żbruffar tal-vulkan Mount Agung fil-Bali ttellgħu għal livelli għoljin, hekk kif jidher li hu biss kwistjoni ta’ ħin li l-vulkan jiżbroffa waħda sew.
Ilbieraħ l-awtoritajiet għollew il-livell ta’ dawn it-twissijiet minħabba li setgħu josservaw il-ġurnata kollha duħħan iswed ħiereġ u eruzzjonijiet u splużjonijiet meqjusin żgħar, li madankollu setgħu jinstemgħu anki sa 12-il kilometru ’l bogħod.

L-ajruport tal-gżira, parti mill-Indoneżja, ingħalaq u ħalla warajh eluf ta’ turisti ma jafux x’se jaqbdu jagħmlu, u l-Pulizija Indoneżjana avżat lill-pubbliku biex iwarrab ’il bogħod mill-irmied jew ġebel li tgergeb mill-vulkan ’l isfel.
Ġeologu minn università Amerikana qal lill-midja li l-vulkan daħal f’fażi oħra miċ-ċiklu vulkaniku tiegħu, hekk kif il-lava tidher tleqq ħamra max-xifer tad-dawra ta’ fuq tiegħu.
Minkejja dan qal li ma tantx tista’ tispekula kif se jkun l-iżbruffar, għax jista’ jiżbroffa waħda tajba, inkella jista’ jibqa’ sejjer kif inhu, waħda f’waħda imma żgħar.
Sadanittant, l-awtoritajiet wessgħu iż-żona ta’ madwar il-vulkan li fiha ma tkunx tista’ toqgħod għal 10 kilometri mid-dawra tiegħu, u dan ifisser li madwar 25,000 persuna huma mifhuma li qed joqogħdu f’xelters temporanji, filwaqt li fl-aħħar xhur imxew mill-post imsemmi madwar 140,000 persuna.