Filmat: Innovazzjoni minflok turiżmu? – il-PM, Newsbook Webinar

Il-Prim Ministru Robert Abela staqsa jekk Malta għandhiex tibqa’ tiffoka fuq is-settur tat-turiżmu jew jekk għandhiex timbotta aktar fid-direzzjoni tal-innovazzjoni.

Dr Abela kien qed jindirizza webinar organizzat minn Newsbook.com.mt dwar l-ekonomija wara l-Covid-19. Il-Prim Ministru fisser kif il-pandemija tal-coronavirus tat skoss lil kulħadd, imma “fetħitilna wkoll għajnejna, hekk kif esponiet il-vulnerabbiltà ta’ ħafna pajjiżi madwar id-dinja, iżda fl-istess ħin tat imbuttatura għall-innovazzjoni”.

Enfasizza li dan huwa ż-żmien meta l-pajjiżi jippreparaw lilhom infushom għall-futur. Saħaq li l-ekonomija Maltija kienet f’saħħitha u fi kliemu bis-saħħa t’hekk ġew salvati ’l fuq minn 100,000 impjieg.

Dr Abela staqsa li issa wieħed għandu jaħseb oltre minn hekk u jistaqsi jekk meta kulħadd imur lura għax-xogħol hux se jkun kollox bħal qabel u jekk li wieħed jaħdem mid-dar hix soluzzjoni u jekk jeħtiġiliex tibdiliet.

Huwa qal ukoll li hemm bżonn investiment qawwi fl-edukazzjoni u tisħiħ fis-sistemi tal-IT u l-internet. Irrimara li l-pajjiż irid jesplora aktar x’jista’ jagħmel bil-pjattaformi diġitali u jattira investiment barrani dirett.

Il-PM temm b’referenza għal graffiti f’Hong Kong, li jgħidu li “n-normalità li nafu kienet il-problema” u insista li dan hu żmien li kulħadd jaħdem flimkien.

Fil-webinar għadda wkoll messaġġ l-Arċisqof Charles Scicluna li filwaqt li għamel referenza għall-Enċiklika Laudato Sì tal-Papa Franġisku, stqarr li l-ekonomija għandha tkun ibbażata fuq is-sobrjetà u s-solidarjetà.

Jekk tixtieq tkun minn tal-ewwel li tirċievi l-aħħar aħbarijiet dwar il-coronavirus f’Malta, niżżel l-APP ta’ Newsbook minn hawn