Filmat: “Tuna l-korsa tal-karozzi wara 50 sena nibku għaliha” – Motorsmt

Duncan Micallef, li huwa ċampjin Ewropew fit-tlielaq tal-karozzi, ħa żmien il-festi bħala okkażjoni biex jappella lill-awtoritajiet f’isem Motorsmt u n-nies li jħobbu t-tlielaq, sabiex jibnu korsa f’Malta, wara li ilhom 50 sena jibku għaliha.

Il-filmat jibda b’Duncan itellaq il-karozzi fuq korsa tal-ġugarelli, u jgħid li hekk spiċċa jagħmel la m’għandux korsa veru fuqiex isuq il-karozza. Huwa indirizza direttament lill-Prim Ministru Joseph Muscat u lis-Segretarju Parlamentari għall-Isport Clifton Grima biex iwettqu din il-ħolma ta’ ħafna Maltin, li ilhom jitolbuha għal 50 sena. Qalilhom li l-messaġġ tagħhom kien biex Malta ssir rebbieħa, u infurmahom li fit-tlielaq tal-karozzi, huma xebgħu jirbħu.

Huwa qal li lest li jiltaqa’ u jpoġġi mal-Prim Ministru u mas-Segretarju Parlamentari biex jintlaħaq kompromess u biex isolvu l-problemi li jistgħu jinqalgħu.

Rigward l-art, Micallef qal, “Nemmen li jekk ma tinbeniex track illum, għada tinbena l-art.” Dwar it-tniġġis qal li 20 karozza fi track ma jistgħux jilħqu t-tniġġis li jikkawżaw 380,000 vettura fit-triq. Micallef qal li korsa tkun ta’ benefiċċju għaċ-ċiklisti wkoll li ma jħossuhomx siguri fit-toroq Maltin.

Huwa temm il-filmat jgħid lil ibnu li huwa lest li jagħmel minn kollox biex l-2019 tkun is-sena li fiha fl-aħħar tinbena l-korsa.