Filmat: Trump irid aktar armi fl-idejn, did-darba fl-iskejjel

Il-President Amerikan, Donald Trump, jemmen li jekk l-għalliema jkunu permessi jġorru arma tan-nar fuqhom, mela dan jista’ jnaqqas sewwa mill-attakki li jisru fuq l-iskejjel.
“Membru tal-istaff ta’ skola b’pistola f’idejh malajr itemm attakk”, ġie rrappurtat li qal.
Trump kien qed jikkummenta fid-dawl tal-attakk qattiel li seħħ il-ġimgħa l-oħra fi skola fi Florida, meta żagħżugħ ta’ 19-il sena daħal jispara bl-addoċċ fuq in-nies, u qatel 17-il ruħ bejn għalliema u studenti.
Jidher li ż-żagħżugħ kien miġnun fuq l-armi, u kien ilu jagħti ħjiliet xi xtaq jagħmel bil-posts tiegħu fuq Facebook.

Minn dakinhar seħħew diversi protesti sabiex ikun hemm liġijiet aktar stretti fuq iż-żamma tal-armi tan-nar għall-użu personali, u lbieraħ bosta ġenituri talbu bil-ħniena lill-president sabiex jiżgura li xi ħaġa simili ma terġax isseħħ.
Hu magħruf li l-Assoċjazzjoni Nazzjonali tal-Armi (NRA) fl-Amerka iffinanzjat bil-qawwi l-kampanja elettorali ta’ Trump, u allura ħafna jaħsbu li Trump għandu jdejh marbuta.
Madankollu t-Tnejn ġie rrappurtat li l-President Amerikan jaqbel li jkun hemm spezzjonijiet aktar rigorużi meta wieħed jiġi biex jakkwista azzarin, speċjalment fuq il-kundizzjoni mentali tal-persuna li tixtrih.
F’kummenti li ta, Trump qal li jekk il-liġi tkun tali mod li tipprojbixxi milli jinġarru l-armi, mela min ikun irid iwettaq attakk jiġi vvantaġġjat.
Madankollu, f’dik li tidher kuntradizzjoni, tweet ta’ Trump waqt l-elezzjoni elettorali kienet tgħid li hu mhux vera jrid li jkun hemm aktar armi fl-iskejjel.
Ilbieraħ, meta Trump iltaqa’ ma’ ġenituri u għalliema, wieħed mill-ġenituri li ibnu kien inqatel f’attakk fl-2012 qal li xeba’ sal-ponta ta’ mnieħru, u ma jaqbilx li aktar armi fl-iskejjel se jsolvu l-problema.
Temm jgħid li pajjiżu ddiżappunta ’l uliedu stess.
Filmat: BBC