Filmat: Trid tingħeleb it-tentazzjoni li żżomm il-kulur meta tkun fil-poter – L-Arċisqof

Seklu mit-twaqqif tal-Partit Laburista

Read in English.

L-Arċisqof Charles Scicluna enfasizza mal-mexxejja tal-Partit Laburista l-importanza li tingħeleb it-tentazzjoni li jintlibes in-nuċċali tal-kulur meta wieħed ikun fil-poter.

Huwa qal dan fl-omelija tiegħu waqt il-quddiesa li saret biex tikkommemora l-100 sena minn meta twaqqaf il-Partit Laburista. Tkellem fuq kif matul dawn il-100 sena, venvnu l-irwiefen, faqqgħu s-sajjetti, imma kien hemm ukoll mumenti ta’ sajf. Semma meta fil-15 t’Ottubru tal-1920, kien sar att notarili għand in-Nutar Carbonaro li bih twaqqaf il-Partit Laburista: “xitla li minnha ħarġet u kibret ħarruba kbira li hi l-Partit Laburista.”

Waqt il-quddiesa li saret fil-Konkatidral ta’ San Ġwann fil-Belt Valletta, l-Arċisqof addotta kliem il-Papa Franġisku fi Fratelli Tutti, ippubblikat f’Ottubru li għadda. Ikkwota mill-ħames kapitlu, li jirrigwarda l-politika, u appella lill-mexxejja biex ikunu politiċi huma u jħarsu lejn il-bżonnijiet fis-soċjetà. Qalilhom li l-politika hija l-arti tal-imħabba, li bil-qawwa tal-Istat, tagħmel ġid li jibqa’. Fisser kif il-karità politika tesprimi ruħha fil-ftuħ għal kulħadd.

Huwa insista fuq il-ħtieġa li tingħeleb dik li sejħilha “il-mentalità tribali ta’ aħna u intom.” Qal li jrid isir xogħol biex il-politika tkun tassew bla kulur, speċjalment minn min jiggverna.

“Għal xiex se jiftakrukom in-nies?”

Ħeġġeġ lill-politiċi biex ikunu sors ta’ tama għan-nies, billi jipprattikaw politika tajba li tgħaqqad l-imħabba mat-tama. Skont l-Arċisqof, il-politika m’għandhiex tibża’ mit-tenerezza u mill-ħlewwa. Wara kollox, qal l-Arċisqof, il-mistoqsijiet li jistaqsi politiku dwar il-legat tiegħu għandhom ikunu, “Kemm imħabba poġġejt f’xogħli? Fiex għent lill-poplu jimxi ‘l quddiem? X’marka ħallejt fuq il-ħajja tas-soċjetà? Liema rabtiet veri bnejt? X’qawwa pożittiva ħallejt toħroġ? Kemm żrajt paċi soċjali? Xi produċejt fil-post li bih ġejt fdat?”

Appella lill-mexxejja tal-Partit Laburista biex iġeddu l-impenn li sar 100 sena ilu b’sens ta’ onestà, umiltà, u umoriżmu, imma fl-istess waqt, ħeġġiġhom biex ikomplu jfittxu l-għeruq tagħhom.

Il-ħtieġa ta’ pjan fit-tul

Mons. Scicluna semma wkoll kif il-Papa jgħid li għal ħafna nies, il-politika saret ħaġa kerha, sinonima mal-korruzzjoni u prattiċi ħżiena, iżda l-Papa qal li d-dinja ma tiffunzjonax mingħajrha. Hawn bżonn il-politika, u l-partiti politiċi b’nies determinati li jagħmlu xi ħaġa. Ikkwota lill-Papa jgħid li l-kobor tal-politika jidher f’mumenti diffiċli, meta wieħed jaġixxi skont prinċipji għoljin u jaħseb fil-ġid komuni fit-tul. L-Arċisqof xebbah dan mal-pandemija, u qal li d-deċiżjonijiet iridu jittieħdu bil-ħsieb fit-tul, għas-saħħa tal-poplu.

Tiġi t-tentazzjoni, qal l-Arċisqof, li taħseb fiż-żmien li ġej immedjatament, minflok taħseb fit-tul, imma jeħtieġ li l-politiċi jaħsbu f’dawk li ġejjin warajhom, mhux għall-fini elettorali, imma għall-ġid tas-soċjetà.

Fl-aħħar, l-Arċisqof temm l-omelija tiegħu billi awgura lill-membri tal-Partit Laburista li jkunu politiċi onesti, veritieri, integrużi u leali, u awguralhom għas-sekli li ġejjin.