Filmat: “Trattawni differenti għax bl-ADHD; il-bowling għenni” – Philip

Philip Gruppetta, żagħżugħ ta’ 24 sena, għandu l-ADHD, diżabilità inviżibbli li spjega wasslet sabiex jiġi trattat differenti fil-passat. Spjega li l-bowling għenu jikkontrolla s-sintomi tal-ADHD.

L-Attention Deficit Hyperactivity Disorder (ADHD) hija kundizzjoni fil-moħħ li għandha effett dirett fuq il-partijiet li jikkontrollaw kemm wieħed jikkonċentra u kif persuna ġġib ruħha.

F’intervista ma’ Newsbook.com.mt, Philip spjega li meta kien iżgħar, b’mod partikolari meta kien imur l-iskola, kien jiġi trattat differenti minħabba li l-ADHD hija diżabilità li ma tidhirx. Qal li fl-iskola kien jiġġieled u sħabu kienu jitrattawh differenti. Qal li dawn ma kinux jifhmu d-diżabilità tiegħu.

Hu spjega li l-isport, b’mod partikolari l-passjoni tiegħu għall-bowling, għenitu jikkontrolla s-sintomi tal-ADHD. Philip, li jaħdem mal-Forzi Armati ta’ Malta, spjega li l-bowling għenu jikkonċentra aħjar u jżomm aktar kalma fil-ħajja ta’ kuljum.

Jitkellem dwar il-bidu tal-passjoni tiegħu

Philip irrakkonta ma’ Newsbook.com.mt li l-passjoni tiegħu bdiet wara li l-ġenituri tiegħu interessaw irwieħhom fl-ispecial Olympics. Huma kienu tkellmu ma’ Anna Calleja u minn hemm hi għenitu jsib l-isport l-aktar addattat għalih.

Hu rrakkonta kif is-sena li għaddiet ipparteċipa fil-world cup tal-mainstream fl-Indoneżja fejn ikkompeta ma’ 72 persuna oħra. Hawnhekk hu kklassifika mal-aħjar 24 tad-dinja. Hu rebaħ ukoll diversi midalji, l-aħħar tliet midalji tad-deheb fil-World Games li saru f’Abu Dhabi f’Marzu li għadda.

Magħżul għall-proġett fotografiku tas-CRPD

Philip huwa wieħed mill-persuni li pparteċipaw fi proġett fotografiku tal-Kummissjoni għad-Drittijiet ta’ Persuni b’Diżabilità (CRPD) bl-isem ta’ Different is Normal. Is-CRPD kkummissjonat serje ta’ 12-il ritratt ta’ dawn il-persuni li għandhom diżabilitajiet differenti fosthom spina bifida, problemi bis-smigħ u l-vista tal-għajnejn, ADHD, awtiżmu u down syndrome. Huma qed jagħmlu numru ta’ attivitajiet differenti, bħat-teatru, żfin, logħob, bowling, għawn, fost oħrajn. Ir-ritratti ttieħdu mill-fotografu Darren Zammit Lupi u flimkien jirrappreżentaw l-aspirazzjonijiet ta’ dawn il-persuni.

Mistoqsi dan xi jfisser għalih, Philip spjega li l-proġett għenu ħafna għaliex permezz tiegħu beda jgħaddi l-messaġġ li min għandu xi diżabilità, m’għandux jaqta’ qalbu milli jasal fejn irid. Qal li forsi l-mod kif jasal għall-għan tiegħu ikun xi ftit iktar twil, iżda kapaċi jasal xorta waħda.

Hu spjega li l-kliem “different is normal” għalih ifisser li kull persuna hija differenti u għandha l-kapaċità li tasal. Spjega li forsi jkollha tagħmel ftit aktar sforz minn ħaddieħor, iżda tasal ukoll.

Filmat: Miguela Xuereb