Filmat: Trabi ta’ xahrejn jistgħu jieħdu l-vaċċin tal-meninġite – tabiba

It-tabiba Elizabeth Zammit Lupi emfasizzat l-importanza tal-vaċċini u spjegat li l-vaċċini kontra l-meninġite huma aċċessibbli minn persuni li għandhom minn xahrejn ‘il fuq. Dan qalitu waqt intervista ma’ Newsbook.com.mt dwar il-marda li għall-aħħar ġimgħat dehret fil-ġurnali b’mod regolari.

Dr Zammit Lupi hija tabiba tal-familja b’interess speċjali fis-saħħa tat-tfal. Hi għamlet xi snin taħdem fl-Isptar Karin Grech fid-Dipartiment tal-Pedjatrika, imbagħad imxiet għad-Dipartiment tal-Kura Primarja għat-Tfal fejn hemmhekk iżżur bosta skejjel għal testijiet, screenings u t-titqib.

X’inhi l-meninġite u kif tinduna biha?

It-tabiba Zammit Lupi spjegat kif infezzjoni fil-meninġite, li hija saff li jgħatti l-moħħ u l-ispina, hija marda rari iżda li jista’ jkollha konsegwenzi koroh. Il-konsegwenzi jinkludu ħsara permanenti fil-moħħ li twassal għal diffikultajiet fis-smigħ, fil-mod kif wieħed jitgħallem, li wieħed ituh fits u anke f’każijiet estremi tikkawża l-mewt ta’ persuna.

Qalet kif filwaqt li din jistgħu jimirdu biha persuni ta’ etajiet varji, taffettwa l-aktar tfal, b’mod partikolari dawk li għandhom inqas minn sentejn. Ġeneralment din tkun ikkawżata minn mikrobi u anke permezz ta’ virus, li hija l-aktar forma komuni li tieħu din il-marda. It-tabiba sostniet li fil-maġġoranza tad-drabi, il-virus ifieq waħdu u ma jkunx hemm konsegwenzi.

Filmat: “Wara l-meninġite kelli nerġa’ nitgħallem nagħmel kollox” – Amy Zahra

L-infezzjoni tibda mill-widnejn, il-griżmejn jew inkellha s-sinus, qabel ma l-mikrobi jidħlu fid-demm u jispiċċaw jattakkaw il-meninġite. Is-sintomi jinkludu deni, uġigħ ta’ ras, sensittivita, dardir u remettar, uġigħ fl-għonq u letarġija. Fejn jidħol it-tip ta’ meninġite magħruf bħala Meningococcal, wieħed jaf jiltaqa’ ma’ septiċemika u anke raxx. Wieħed jinduna jekk dan ir-raxx hux kawża tal-meninġite jekk fuqu jgħafas tazza tal-ħġieġ u l-ħmura tibqa’ hemm. Spjegat li f’każ hekk, il-meninġite ikun fi stadju avvanzat u dak li jkun għandu jmur l-isptar b’mod immedjat.

Min-naħa l-oħra, it-trabi ġeneralment ikollhom sintomi mhux speċifiċi, inkluż deni, irritabilità, letarġija u anke ma jkunux iridu l-ħalib. F’każijiet bħal dawn it-tabiba ssuġġeriet li l-ġenituri għandhom jieħdu lit-tfal għand it-tabib sabiex jinvistahom. Madanakollu spjegat li trabi taħt it-tliet xhur, anke jekk ikollhom biss ftit deni, għandhom jittieħdu immedjatament l-isptar sabiex isirulhom testijiet.

Filmat: “Possibilità kbira li min ħa t-titqiba qatt ma jimrad bil-meninġite”

Aqra aktar dwar din l-intervista minn hawn.