Filmat: Tmut bil-COVID-19 fl-Istati Uniti; tallega li riedu joqtluha minħabba l-kulur tal-ġilda

Tabiba ta’ karnaġġjon skur mietet bil-Covid-19, ftit ġimgħat biss wara li ddeskriviet li tabib ta’ karnaġġjon ċar ma emminx l-uġigħ u t-tħassib tagħha dwar it-trattament li kienet qiegħda tirċievi f’wieħed mill-Isptarijiet ta’ Indiana fl-Istati Uniti.

Dr Susan Moore mietet il-Ħadd li għadda wara li żviluppat xi kumplikazzjoni wara li kienet pożittiva għall-Covid-19. Hija mietet ġimagħtejn wara li qasmet il-filmat tagħha li fih akkużat li tabib mill-Indiana University Health North Hospital beda jinjora t-talbiet tagħha dwar l-uġigħ li kienet qiegħda tħoss kif ukoll it-talba tagħha għall-mediċina. Żiedet li huwa għamel dan minħabba li kienet ta’ karnaġġjoni skur u minkejja li hi bħala pazjenta kienet tabiba wkoll.

Fil-filmat li ttella’ fl-4 ta’ Diċembru li għadda, hija ħadet filmat tagħha nnifisha fis-sodda tal-isptar u rrakkontat l-istorja tagħha. Moore qalet li t-tabib injora s-sintomi tagħha u qallha li m’għandix qtugħ ta’ nifs. Fil-filmat hija qalet li qiegħda tesperjenza qtugħ ta’ nifs.

Hija kellha tittallab biex tingħata l-mediċina li tintuża għall-pazjenti li għandhom il-Covid-19 u m’għandhomx bżonn ventilator. Kompliet li minkejja l-uġigħ li kienet għaddejja minnu it-tabib qallha li qed jikkunsidra jibgħatha d-dar u huwa ma riedx itiha iktar mediċini narkotiċi. “Ħassejtni qisni għandi l-vizzju tad-droga. It-tabib kien jaf li jien tabiba,” saħqet Moore.

Fuq il-paġna ta’ Facebook hija qalet li ntbagħtet id-dar u f’inqas minn 12-il siegħa kellha terġa’ tiddaħħal l-isptar. Moore saħqet li, li kieku kienet ta’ karnaġġjon ċar ma kienx ikollha għalfejn tgħaddi minn dan kollu.

Kelliem għall-isptar ikkonferma li Moore kienet pazjenta fl-Isptar iżda ma tax iktar dettalji minħabba l-privatezza tal-klijenta.