Filmat: TM b’Roger jgħidlek kif ma tipperikolax ħajjet ħaddieħor

Transport Malta nediet Immaġina, it-tielet filmat minn sensiela ta’ filmati biex tippromwovi imġiba aħjar fit-toroq.
Fil-filmat jidher Roger, isuq il-karozza tiegħu bħas-soltu.  Hu jirrifletti fuq dak li qed jara fi triqtu lejn ix-xogħol u jara żewġ xenarji.
Fl-ewwel xenarju ħadd ma jsewgi r-regoli, anzi kulħadd jagħmel kif jidhirlu hu, filwaqt li fit-tieni xenarju kulħadd isegwi r-regoli u jġib ruħu b’mod eżemplari fis-sewqan.
Il-messaġġ ta’ Roger hu wieħed sempliċi, iżda kruċjali:
“Eluf jużaw it-toroq tagħna kuljum. Min b’tal-linja, min bir-rota, bil-mixi u l-biċċa l-kbira bil-karozza. Malta żgħira u t-toroq limitati. Irridu naqsmu l-ftit spazju li għandna ma' bosta eluf. Kull wieħed u waħda minna għandna għażla.
Nistgħu nkunu egoisti, ninjoraw ir-regoli, nagħmlu fattina u ma nagħtu kas ħadd. Immaġina kieku kulħadd jieqaf f’nofs ta’ triq biex jixtri, kieku ħadd ma jixgħel indicator jew kieku ħadd ma jċedi. Immaġina kieku kulħadd jiġi jaqa’ u jqum jekk inti tasalx tard għax-xogħol, jekk jikkawżax inċident, jew jekk lil min iweġġa’ huwiex ħuk, ommok jew bintek.
Issa, minflok, immaġina li kulħadd isegwi r-regoli, kieku nċedu aktar u kieku kulħadd jirrispetta lil ħaddieħor fit-triq. Immaġina ftit kieku ma naslux iżjed tard minħabba l-egoiżmu ta' xulxin, kieku ma jkollniex inċidenti bla bżonn. Immaġina…
Li ma nibqgħux nimmaġinaw imma nibdew ngħixu din il-ħolma jiddependi minnek ukoll. Grazzi!”

[youtube https://www.youtube.com/watch?v=ZHGi76_Tfh0]

L-iskop ta’ dan il-filmat hu li jdaħħal aktar sens ta’ responsabbiltà lis-sewwieqa, jagħmilhom aktar konxji ta’ x’jistgħu jikkawżaw bl-attitudni tagħhom. 
Il-filmat jibgħat messaġġ lis-sewwieqa li jistgħu ikunu fuq in-naħa l-oħra ta’ min ikun irresponsabbli u għalhekk m’għandhomx iġibu ruħhom b’tali mod li huma ma jixtiqux li jiġri lilhom.