Filmat: “Tlift ħabiba li fittxet ħajja aħjar”

Fr José Camilleri, missjunarju Malti fil-Gwatemala, irrakkonta l-istorja tal-ħabiba tiegħu Marissa li tilfet ħajjitha għax mardet waqt li kienet qed tivvjaġġa biex tipprova taqsam lejn l-Istati Uniti għal ħajja aħjar.

Hu kien qed jirrakkonta din l-istorja waqt intervista ma’ Fr Joe Borg fuq RTK. Fr Camilleri spjega kif xi xhur ilu telqu minn El Salvador u l-Gwatemala mal-5,000 ruħ biex jaqsmu l-fruntiera lejn l-Istati Uniti mill-Messiku.

Irrakkonta kif meta Marissa qaltlu li hi u ħuha Pedro kienu se jittantaw xortihom għal ħajja aħjar fl-Istati Unit, Fr Camilleri wissihom dwar id-diffikultajiet li kienu se jispiċċaw iħabbtu wiċċhom magħhom meta jiġu biex jaqsmu x-xmara ta’ Arizona. Madanakollu sostna li kien kollu għalxejn għax dawn telqu mill-parroċċa tiegħu u ħejjew triqthom għall-fruntiera.

Spjega kif waqt il-vjaġġ, Marissa mardet u ma setgħetx tkompli l-vjaġġ tagħha. Ħuha ddeċieda li jieqaf magħha, madanakollu l-grupp li kienu qed jivjaġġaw miegħu baqa’ sejjer għal triqtu. Fr Camilleri kompla jgħid kif tliet xhur wara li mardet, Marissa mietet fid-deżert ta’ Ariżona.

Irrimarka kif l-istorja ta’ Marissa hija l-istorja ta’ bosta persuni li bħala ppruvaw ifittxu ħajja aħjar. Semma kif dawn il-każijiet huma simili għal dawk fl-Ewropa fejn bosta persuni jmutu fil-baħar Mediterran huma u jippruvaw jaqsmu minn pajjiżi bħas-Somalja għall-Ewropa.