Filmat: “Tlift ħabib kbir” – Il-Prim Ministru fuq Renald Falzon

Read in English.

Il-Prim Ministru Robert Abela kkummenta fuq il-mewt ta’ Renald Falzon, is-Sindku ta’ Ħal Qormi, u qal li tilef wieħed mill-akbar ħbieb tiegħu.

Renald Falzon tilef ħajtu fl-età ta’ 46 sena nhar il-Ġimgħa li għadda, waqt li kien qed jikkumbatti l-coronavirus. Ftit tal-ġimgħat qabel, huwa tilef lil missieru bl-istess virus.

Hu u jgħaddi l-kummenti lill-ġurnalisti lbieraħ, il-Prim Ministru qal li ġimgħa ilu żar lil Renald fl-ITU, iżda dan ma kienx f’sensih. Iddeskrivieh bħala persuna li kienet hemm għalih kull meta kellu bżonn. Fiż-żjara tiegħu fl-ITU, Abela tkellem mat-tobba u mal-infermiera, u lil pazjenti oħrajn minn wara l-ħġieġa. Huwa sostna li kien iżur l-ITU u l-IDU u beħsiebu jibqa’ jżurhom.

L-aħbar tal-mewt ta’ Renald Falzon
Imut is-Sindku ta’ Ħal Qormi; kellu l-coronavirus

Dwar Renald Falzon, qal li huwa dispjaċut għall-kumment li għadda l-Kap tal-Oppożizzjoni Bernard Grech dwaru nhar il-Ħadd li għadda. Grech sellem il-memorja ta’ Falzon u qal li m’hemmx bżonn ikun jafu biex jagħmel dan, għax hu bniedem bħalu. Saħaq li jeħtieġ li tintrefa’ responsabbiltà għall-mewt tiegħu, bħall-kumplament tal-vittmi tal-Covid-19, u tenna li Abela kien immatur f’kif affaċċja l-pandemija.

Il-PM saħaq li kwistjoni bħal din m’għandhiex tiġi politiċizzata.

Mistoqsi mistoqsijiet simili mill-ġurnalisti llum, il-PM għal darb’oħra stqarr li l-pandemija hija realtà madwar id-dinja kollha, u qal li l-Gvern qed jagħmel minn kollox biex is-sitwazzjoni tinżamm taħt kontroll. “F’pajjiżna għamilna dak kollu li stajna biex inżommu l-imxija taħt kontroll,” ikkonkluda Abela. Ġab eżempju biċ-ċifri tal-lum, billi fiequ aktar nies milli kien hemm każijiet ġodda.

Dak il-ħin kien hemm attivisti tal-għaqda Repubblika u akkużaw lill-Prim Ministru li qed jiddieħak bin-nies. Mat-tluq tiegħu minn Kastilja, huma bdew ikantaw l-Innu Malti.

L-attivisti nġabru fi Pjazza Kastilja biex jikkommemoraw il-101 vittma tal-Covid-19 f’Malta.

Filmati: Miguela Xuereb