Filmat: Tlifna mal-€1,000 u ħassrulna 6 titjiriet – koppja Maltija

Vidjografu Malti pproduċa dokumentarju li juri l-esperjenza ta’ biża’ u inċertezza tiegħu u tas-sieħba tiegħu huma u jippruvaw jiġu lura lejn Malta mill-Kambodja. Esperjenza li wasslithom sabiex jitilfu mal-€1,000 kull wieħed u jitħassrulhom mas-sitt titjiriet.

Karl Hili u Michela Urry rrakkontaw kif għamlu mat-12-il jum mingħajr tweġibiet, mingħajr għajnuna u mingħajr mod kif joħorġu mill-Asja u jiġu lura lejn Malta. Spjegaw li spiċċaw li huma kienu tħallew l-art fi Phnom Penh u bħal ma ġara lilhom għad hemm għexieren ta’ persuni oħrajn li baqgħu l-art. Hili insista li ċerti pajjiżi mhux jagħmlu ħilithom biex jgħinu liċ-ċittadini tagħhom stess.

Hili rrimarka li qatt ma mmaġina li kien se jispiċċa f’punt li jibża’ li ma kienx se jirnexxielu jiġi lura lejn pajjiżu stess. Spjega li hu telaq minn Malta fuq avventura ta’ vvjaġġar fil-11 ta’ Ottubru tas-sena li għaddiet. Qal li l-pjan tiegħu kien wieħed kemmxejn differenti minn dak li spiċċa għadda minnu minħabba l-coronavirus.

Irrimarka li fost it-13-il pajjiż li żar fl-avventura li kellha ddum madwar sena, il-Kambodja kien l-aħħar pajjiż li xtaq li jispiċċa jitħalla l-art fih. Spjega li l-isptarijiet għandhom standards baxxi ħafna u r-rata ta’ faqar kbira.

Eventwalment il-koppja rnexxielha tivvjaġġa lejn il-Ġermanja fuq titjira ta’ ripatrijazzjoni. Iżda hemmhekk kellhom iħabbtu wiċċhom ukoll ma’ problemi bil-passaport. Huma ma kinux tħallew jidħlu fil-Ġermanja għall-ewwel, iżda madwar sitt sigħat wara rċevew telefonata mill-Ambaxxatur Malti fil-Ġermanja li wasslithom sabiex jitħallew jidħlu u minn hemm jaqbdu l-aħħar titjira li kienet se twassalhom lura Malta.

Il-koppja issa tinsab lura Malta.