Filmat: “Tlifna bosta għalliema ġodda tort tal-Ministeru” – MUT

Il-President tal-Unjin tal-Għalliema Maltin (MUT) Marco Bonnici qal li bosta persuni li gradwaw bħala għalliema ġodda spiċċaw marru għal professjoni oħra għax il-Ministeru għall-Edukazzjoni dam wisq biex jgħidilhom jekk l-interview tagħhom kienx ta’ suċċess jew le.

Bonnici kien qed iwieġeb għal mistoqsija ta’ Newsbook.com.mt wara konferenza tal-aħbarijiet li saret il-ġimgħa l-oħra mill-Union dwar il-problemi li qed jaffaċċjaw l-edukaturi. Fl-aħħar ġimgħat Newsbook.com.mt irrapporta numru ta’ każijiet fejn studenti spiċċaw jagħmlu l-eżamijiet minkejja li ilhom mill-bidu tas-sena mingħajr għalliema tal-Ingliż.

“Nuqqas inkwetanti ta’ għalliema u LSEs” – MUT

Mistoqsi għar-reazzjoni tal-Union, Bonnici sostna li l-għalliema tal-Ingliż qed jaħdmu bi skeda mimlija sa ruħ ommha u ma jistgħux jiġġebbdu aktar. Sostna li minkejja li kulħadd kien jaf li kien se jkun hemm problema fl-Ingliż, fix-Xjenzi u fil-Matematika, xorta baqa’ ma sar xejn.

Kompla jgħid kif imbagħad ikun hemm ċirkustanzi meta persuni li jkunu għadhom kemm gradwaw u għamlu interview sabiex jidħlu jgħallmu fi skola tal-Gvern, jdumu ħafna sakemm il-Ministeru jibgħat għalihom. Spjega li dawn l-għalliema jkunu jridu jsibu xogħol u ħafna minnhom jispiċċaw ifittxu band’oħra sabiex ma jagħmlux xhur twal jistennew bir-riskju li ma jiġux aċċettati. Qal li kawża ta’ dan intilfu ħafna żgħażagħ mill-professjoni.

“Ikkritikaw lil binti għax ma fehmitx l-eżami meta ma kelliex għalliema” – omm

L-omm li fl-aħħar ġimgħat tkellmet ma’ Newsbook.com.mt u spjegat li l-klassi ta’ bintha li tattendi skola f’Ħal Qormi kien ilha mill-bidu tas-sena mingħajr għalliema tal-Ingliż, sostniet li bintha ġiet ikkritikata li ma fehmitx il-karta tal-eżami tal-Ingliż. L-omm spjegat li dan intqal lilha waqt il-parents’ day fl-iskola fejn l-edukaturi spjegawlha li bitnha trid toqgħod attenta aktar għal kif tqiegħed l-Ingliż u li deher li ma kinitx qed tifhem il-mistoqsijiet.

Aktar studenti mingħajr għalliema tal-Ingliż; l-għalliema jitkellmu

L-omm qalet kemm-il darba li minkejja l-isforzi tagħha, it-talbiet baqgħu jaqgħu fuq widnejn torox. Sostniet li lil kull min kellmet dwar il-każ qalilha li se jieħu nota dwar il-każ tagħha, madanakollu qatt ma semgħet xejn lura jew rat xi tip ta’ bidla.

Newsbook.com.mt jagħmel il-mistoqsijiet tiegħu

Dwar il-każ Newsbook.com.mt għamel numru ta’ mistoqsijiet lill-Ministeru għall-Edukazzjoni fit-8 ta’ Marzu. Tfakkira għal risposta ntbagħtet fit-12 ta’ Marzu, madanakollu din baqgħet ma waslitx. Illum Newsbook.com.mt tkellem mal-kelliema għall-Ministeru dwar il-mistoqsijiet, liema kelliema kkonfermat li risposta kienet se tintbagħat mill-aktar fiss, madanakollu sal-ħin tal-pubblikazzjoni ma kienet waslet l-ebda risposta.