Filmat: “Tlajt Londra 30 darba; fadalli iktar operazzjonijiet” – Megan, 13

Megan Portelli, tifla ta’ 13-il sena qalet li telgħet l-isptar Londra aktar minn 30 darba, però fadlilha aktar operazzjonijiet x’tagħmel.

Ma’ Newsbook.com.mt Megan spjegat li tinsab fil-klassi tal-Form 3 fil-Konservatorju tal-Isqof f’Għawdex. Bħalissa qed tistidja l-bijoloġija, l-arti, u l-home economics.

Sabet ħafna għajnuna mit-tim tal-Istrina. Qalet li kieku mhux għall-Istrina, probabli ma kinitx titla’ Londra daqshekk ta’ spiss. Marret ‘il fuq minn 30 darba u għamlet tliet operazzjonijiet. F’Marzu li ġej imissha r-raba’ waħda.

Megan qalet li minkejja kollox, hi mhix imdejqa. Fil-ħin liberu tagħha ma tħobbx toqgħod id-dar. Minflok, hi toħroġ u tiltaqa’ mal-ħbieb tagħha. Dan il-Milied tixtieq tqattgħu mal-familja, mal-ħbieb, u se tkun qed tgħin ukoll fl-Istrina.

Hemm pjanijiet għall-futur?

Megan tixtieq issir għalliema tal-kindergarten. Dan għaliex tħobb ħafna lit-tfal.

“Meta nsiefer Londra mmur ngħin lit-tfal iż-żgħar. Naħseb minn meta mort Londra bdejt inħobb it-tfal,” qalet Megan.

Megan Portelli temmet l-intervista b’appell lin-nies biex jagħtu donazzjoni fl-Istrina ħalli jgħinu lit-tfal.

Filmat: Miguela Xuereb