Filmat: “Tkun trid tikteb u tara x-xogħol tiegħek jiġri fl-idejn” – Lina Brockdorff

L-awtriċi Lina Brockdorff bdiet tikteb meta kienet għadha l-iskola. F’intervista ma’ Newsbook.com.mt, hi tispjega li, matul l-aħħar snin tat-Tieni Gwerra Dinjija, kienu bdew programmi fuq ir-Reddifusion li kienu jinkoraġixxu liż-żgħażagħ biex: “iqumu daqxejn mir-raqda tal-gwerra… u kien kont waħda minn dawk li obdejt.” Brockdorff tiftakar kif il-Professur Ġużè Aquilina, li tiddiskrivih bħala bniedem “vera gustuż”, kien jagħmillha kuraġġ u dejjem kien isaqsiha biex terġa’ tmur l-ġimgħa ta’ wara.

Brockdorff eventwalment saret parti mill-Għaqda Letterarja u bdiet tikteb stejjer itwal. S’issa kitbet madwar 320 storja, inkluż il-ktieb mhux fittizju ‘Sireni u Serenati’ li jitratta l-avventuri ta’ Brockdorff meta kienet tfajla waqt il-gwerra.

Hi tgħid li tieħu ħafna gost meta n-nies jgħidulha li qraw ir-rumanzi tagħha imma li, xi drabi, tiddejjaq naqra meta l-ammiraturi tagħha jieħdu ftit kunfidenza ż-żejjed u jsaqsuha fejn toqgħod biex imorru għandha u tiffirmalhom il-kotba.

“”Mill-banda l-oħra, m’intiex sejra tkun dakshekk antipatika meta bniedma qed tgħidlek li għoġobha x-xogħol tiegħek; għoġbitha kif tħabbat qalbek… imbagħad tgħidilha ‘għandi x’nagħmel ta, ħallini minnhekk!’ Trid tuża s-sens komun il-ħin kollu.”