Filmat: “Tiżdied id-distanza bejn Ħaż-Żebbuġ u Ħ’Attard; it-traffiku jonqos”

Il-Ministru għall-Infrastruttura Ian Borg qal li huwa minnu li se tiżdied id-distanza bejn Ħaż-Żebbuġ u Ħ’Attard minħabba l-proġett Central Link, iżda t-traffiku bejn iż-żewġ lokalitajiet huwa mistenni jonqos.

Waqt konferenza stampa f’Ħ’Attard dalgħodu, il-Ministru u Infrastructure Malta taw ir-reazzjonijiet tagħhom għad-deċiżjoni tal-Qorti li tiċħad l-appell kontra l-proġett infrastrutturali. Borg qal li b’dan l-aġir, il-Qorti wriet li l-Awtorità tal-Ippjanar kienet qed timxi sew.

Fost il-kritika li qala’ dan il-proġett, kien hemm dik mingħand ir-residenti ta’ Ħaż-Żebbuġ u Ħ’Attard, peress li l-aċċess dirett bejn iż-żewġ lokalitajiet mhux se jibqa’. Fuq Facebook, iż-Żebbuġin qalu li l-fatt li issa jridu jitilgħu sar-roundabout tal-Imrieħel biex jaslu Ħaż-Żebbuġ minn Ħ’Attard se jtawlilhom it-triq. Apparti minn hekk, ilmentaw fuq it-traffiku li se jinħoloq mar-roundabout tal-Imrieħel.

Mistoqsi fuq dan it-tħassib tar-residenti minn Newsbook.com.mt, il-Ministru Ian Borg ammetta li d-distanza jaf tiżdied, imma saħaq illi t-traffiku se jonqos peress li se jkun hemm “flow kontinwu,” minflok ħafna stennija mad-dwal tat-traffiku u f’żoni meqjusa bottlenecks.

Filmat: Miguela Xuereb