Filmat: Titkeċċa wara li tat nota ta’ żebliħ lil passiġġier

Uffiċjal tas-sigurtà f’ajruport fi New York tkeċċiet mix-xogħol wara li tat nota lil passiġġier li fiha kien hemm miktub “Int ikrah!!!”

Il-filmat, li nġibed fi Greater Rochester International Airport, juri l-uffiċjal tagħti nota lil Strassner wara li huwa għadda mill-metal detector. Strassner stqarr li dak il-ħin ma tax kas, u baqa’ miexi lejn il-Gate li minnha kellu jaqbad l-ajruplan għat-titjira tiegħu. Madanakollu hekk kif l-uffiċjal ratu jibqa’ sejjer mingħajr ma fetaħ in-nota, hi għajtitlu u qaltlu “Mintix se tiftaħ in-nota?”. Strassner qal li hekk kif fetaħ in-nota l-uffiċjal infexxet tidħaq u mar jilmenta mas-superjuri tagħha l-ajruport.

Aktar tard ġie żvelat li l-uffiċjal, li taħdem għal kuntrattur, tkeċċiet mill-ajruport filwaqt li l-aġenzija ħarġet stqarrija fejn qalet li ma tittollerax din it-tip ta’ mġieba

L-inċident, li seħħ f’Ġunju li għadda, ġie żvelat il-ġimgħa l-oħra wara li Strassner li rċieva l-ittra mill-uffiċjal irnexxielu jiddobba l-filmat ta-sigurtà bħala prova permezz ta’ talba mir-rekords pubbliċi u tella’ l-filmat fuq YouTube.