Filmat: ‘Titilfux żmien, kunu strumenti fil-ħajja ta’ ħaddieħor’ – L-Isqof Grech

"Għinu lil dawk il-persuni li tiltaqgħu magħhom biex huma jgħixu kull minuta b'sens u tifsira," qal l-Isqof Mario Grech.
Waqt il-quddiesa ta' radd il-ħajr tal-gradwati l-ġodda tal-Università fil-Kon-Katidral ta' San Ġwann, l-Isqof t'Għawdex appella lil dawk preżenti biex jagħrfu ż-żerriegħa li hemm fihom, li ġejja minn Alla, hekk kif din turi l-ħlewwa, is-sens ta' ġustizzja, għatx għall-paċi u dak kollu li hu tajjeb fil-bniedem.
Tenna li l-ewwel santwarju li l-bniedem għandu jiskopri hu dak t'Alla.
Spjega li fil-bniedem hemm kurżità li tħallih ifittex lil Alla li ma jafx, iżda li dan m'għandux ifittex f'affarijiet bħax-xjenza għax "is-saltna t'Alla qiegħda fikom u f'nofskom".
Mons. Grech wera t-tħassib tiegħu meta qal li ħafna drabi nispiċċaw naħsbu wisq fuq il-futur, tant li nkunu f'riskju li naħarbu ż-żmien tal-lum u ngħixu f'dinja li mhix reali, u li dan iwassal biex ma ngħixux u ma napprezzawx kull mument.
Filwaqt li kull bniedem hu msejjaħ biex ikollu esperjenza personali ma' Ġesù, l-Isqof Grech qal li l-Knisja tinsab 'il bogħod minn din l-esperjenza u stieden lil kulħadd biex jinżel fil-profond tiegħu.
Temm jgħid li l-ħajja timtela meta ż-żmien ma jinħelix, u li jintuża biex l-esperjenza ta' Alla tkompli fil-ħajja tagħna. 
Filmat: Reel8 Productions