Filmat: Titħajjar tmur tara wirja li ma tidhirx?

Dalwaqt se titnieda esebizzjoni mhux tas-soltu fil-Belt Valletta, waħda li għandha toffri esperjenza differenti għall-persuni li jmorru ‘jarawha’.

L-esebizzjoni Tactile: 12 Concealed Sculptures hija l-ewwel esebizzjoni internazzjonali għall-persuni neqsin mid-dawl f’Malta li tpoġġihom fuq l-istess livell tal-bqija tal-komunità. L-artist Jesmond Vassallo li qed jamministra l-esebizzjoni tkellem ma’ Newsbook.com.mt dwarha. “Fil-wirja ppruvajt nara li l-informazzjoni li jkun hemm tkun aċċessibbli bil-Braille” qal Vassallo li spjega li għażel l-iskultura bħala l-forma tal-arti għaliex il-forom jispjegaw ruħhom waħedhom. Qal li meta wieħed imiss skultura, ikun jaf hix kiesħa jew sħuna, lixxa jew le, jew bil-ponot.

It-tajpista Bridget Micallef li ukoll kienet parti mill-konverżazzjoni ma’ Newsbook.com.mt qalet li persuni li jaraw se jkunu qegħdin fl-istess ilma bħalha. Micallef hija nieqsa mid-dawl imma żżomm ruħha attiva. Saħansitra rrakkontat kif marret Ruma f’mużew li fih setgħet tmiss l-iskulturi b’idejha.

Vassallo qal li pprova jidħol fl-istudjo tiegħu mgħammad waqt li kien qed jaħdem fuq il-proġett. “Taħseb li tkun taf id-distanzi u l-forma imma mhux veru” spjega l-artist. Vassallo qal li l-akbar sfida għalih għall-proġett kienet li jipprova jolqot kemm jista’ jkun nies – kemm dawk li jaraw u anke dawk li jaraw inqas. “Ftit minuti fis-skiet għandhom ikunu esperjenza sabiħa” qal l-artist li qal ukoll li l-esebizzjoni għandha tħalli lil dak li jkun jibqa’ jirrifletti wara.

Fil-proġett qed jieħdu sehem artisti minn Malta, Franza, l-Italja, u l-Ġappun. Il-wirja se tkun fil-kampus tal-Belt Valletta fl-Università ta’ Malta bejn il-5 ta’ Ottubru u l-4 ta’ Novembru. Għal aktar informazzjoni tista’ tidħol hawn.

Tactile qed tiġi organizzata mill-Valletta 2018 u l-Valletta Design Cluster f’kollaborazzjoni mal-EU Japan Fest Japan Committee.