Filmat: Tislima mistħoqqa lil Sarah f’Ħaż-Żabbar

Illum wara nofsinhar, fis-Santwarju tal-Madonna tal-Grazzja f'Ħaż-Żabbar ma kienx hemm fejn taqa' labra, hekk kif kienu mijiet li nġabru biex jagħtu l-aħħar tislima lil Sarah Farrugia, it-tfajla ta' 15-il sena li nhar is-Sibt li għadda ttajret minn karozza fil-Birgu.

Waqt l-omelija, il-Kappillan tal-Parroċċa, Dun Sebastian Caruana ddeskriva lil Sarah bħala tfajla mimlija enerġija li rnexxielha tużaha biex tferraħ lill-oħrajn.

"Persuna b'talenti kbar u li kapaċi tibbilanċja fil-ħajja, saħansitra anke fid-dinja tal-lum irnexxielha tmur kontra l-kurrent", żied jgħid Dun Sebastian.

Spjega kif irnexxielha tegħleb il-kultura individwalista, u minflok tintefa' fuq Facebook u tinqata' għaliha waħedha, Sarah kienet persuna miftuħa għall-oħrajn u attiva fil-komunità.

Żied jgħid li "ma kinitx biss attiva bħala bandista f'din il-parroċċa, iżda kienet ukoll fi gruppi tal-adoloxxenti fil-Birgu",

Qal li jinsab ċert li Sarah hija parti mis-Saltna t'Alla, għax is-sempliċità xierqa tagħha, għamlitha kbira mhux biss f'għajnejn dawk qrib tagħha, iżda wkoll f'għajnejn Alla.

Dun Sebastian Caruana qal li hija biss il-kelma t'Alla li tista' tibdel in-niket fuq wiċċ dawk preżenti.

Appella biex kulħadd jieħu l-eżempju ta' Sarah billi "nirbħu l-individwaliżmu, l-egoiżmu, kull biża' li tista' tagħlaqna u ninfetħu għall-oħrajn". 

Fi tmiem il-quddiesa, Ivan Grech tal-Wintermoods kanta l-kanzunetta Sarah, l-istess kanzunetta li ispirat lil missier Sarah Farrugia biex isemmi lil bintu.

Ivan qal li din il-kanzunetta kienet inkitbet għal tifla li kien jisimha Sarah u li mietet ta' età żgħira.

Hekk kif it-tebut ta' kulur abjad inħareġ fuq iz-zuntier, Sarah intlaqgħet b'ċapċipa kbira u bid-daqq tal-banda.

Minkejja din l-aħħar tislima, Sarah għadha tgħix mhux biss fil-qlub ta' dawk qrib tagħha, iżda wkoll f'persuni oħra permezz tal-organi tagħha.