Filmat: Tirċievi pupa bħala rigal u tibda tgħix mill-ġdid

Pupa jirnexxielha tbiddel il-ħajja ta’ anzjana bid-dimensja.
Fuq Facebook, mara minn Durham fl-Istati Uniti tellgħet filmat li juri l-ferħ u l-entużjażmu li ħasset nannitha bil-pupa f’idejha.
In-nanna Lilly ma waqfitx titbissem u tħares b’għajnejha jixgħelu lejn il-pupa Annabell, tagħtiha l-gażaża u tipprova tfewwaqha.
In-nanna tbenninha, tagħtiha l-gażaża, tgeżwira fil-kutra, tipprova tfewwaqha, tgħolliha ‘l fuq u tbusilha għonqha, tkantalha u titkellem magħha. Min-naħa tagħha, il-pupa, liebsa r-roża, tagħmel ħsejjes bħal ta’ tarbija u n-nanna tistaqsiha jekk tridx lil missierha.
Maxine qalet li ddeċidiet li tixtri pupa lil nannitha, għax “qabel id-dimensja, in-nanna Lily kienet l-aktar persuna li taf tħobb u tagħtik qalbha. U issa bis-saħħa tal-pupa, in-nanna Lilly jidher li ħajjitha għandha skop mill-ġdid, hekk kif il-pupa qanqlet fiha l-emozzjoni ta’ meta kienet trabbi.
Lil Maxine kkuntattjawha żewġ universitajiet li jridu jużaw il-filmat tagħha għal-lezzjonijiet tal-istudenti tan-nursing.  It-terapija tal-pupi ma’ persuni bid-dimensja tintuża minn diversi tobba.
Il-filmat rawh iktar minn żewġ miljun darba u xxerred 23,000 darba.