Filmat: Tinqatel papra protetta; aktarx waħda milli ħadilhom ritratt Camilleri

Birdlife Malta qalet li sabet tajra protetta maqtula fis-Salina, li  ”probabilment“ kienet tifforma parti minn grupp ta’ tmien papri li ntlemħu jtiru minn fuq il-Belt Valletta nhar l-Erbgħa li għadda.

Dan il-grupp ta’ papri protetti kienu serqu x-xena wara li s-Segretarju Parlamentari għad-Drittijiet tal-Annimali Clint Camilleri, kien ġibed ritratt tagħhom meta lemaħhom waqt li kienet għaddejja laqgħa tal-Kabinett f’Kastilja nhar l-Erbgħa li għadda. Camilleri tella’ dan ir-ritratt fuq Facebook.

Persuni li kienu għassa għall-għasafar innutaw li tnejn mis-sitt tajriet li niżlu fis-Salina kienu mweġġgħa. Waħda minnhom kellha l-ġewnaħ tax-xellug filwaqt li l-oħra tal-lemin. Birdlife qalet li l-għada l-papri kienu kollha taru iżda l-Ġimgħa filgħodu waħda mit-tjur imweġġgħa nstabet mejta fl-ilma.

Dawn il-papri huma tajr protett u ġeneralment ipassu lejn in-naħa t’isfel tal-Ewropa biex jevitaw it-temperaturi kesħin tan-naħa ta’ fuq tal-Ewropa. Is-sit Natura 2000 u santwarji oħra bħas-Salina joffru kenn lil dawn it-tjur waqt li jkunu qed jivjaġġaw.