Ritratti: “Minn qalb il-mewġ tal-baħar għas-sħab tas-sema”

Miguela Xuereb

Funeral ta’ Neil Zammit

Posted by Newsbook.com.mt on Monday, September 10, 2018

L-Arċipriet ta’ Raħal Ġdid Dun Marc Andrè Camilleri talab lil Alla biex minn qalb il-mewġ tal-baħar iwassal lil Neil Zammit fuq is-sħab tas-sema “u jdaħħlu fis-saltna tiegħu ta’ dejjem”.

Waqt l-omelija tal-funeral ta’ Neil, iż-żagħżugħ li miet waqt li kien qed jogħdos fl-inħawi ta’ Baħar iċ-Ċagħaq, Dun Marc saħaq li minn meta smajna bil-mewt ta’ Neil, dawk li kienu jafuh jew kienu qrib tiegħu żgur li f’moħħhom qed tberren il-ħasda u l-ħsieb ta’ dak li ġara. Irrimarka li kulħadd qed jistaqsi kif il-baħar li tant kien iħobb u li fih kien jieħu l-gost tiegħu, kellu jkun il-post fejn ħalla ħajtu.

Dun Marc qal li kulħadd għandu l-memorji sbieħ ta’ Neil, filwaqt li rrefera għal dawk li ddeskrivewh bħala ġuvni mill-aħjar, li jaf iħobb u li kien fih kumpanija sabiħa.

L-Arċipriet qal li Neil kien fl-aqwa taż-żgħożija: “kellu futur sabiħ quddiemu, li issa donnu ntemm, kellu familja li tħobbu li issa qishom tilfuh, kellu ħbieb li japprezzawh li issa baqgħu mingħajru”.

Talab lill-Mulej biex iserraħ u jikkonsla lill-familja ta’ Neil u lil dawk li ħabbewh tul ħajtu. Barra minn hekk, insista li anke Neil għandu bżonn lill-Mulej u talbu biex ma jqisx ħtijietu imma jqis il-fedeltà u l-imħabba tiegħu.

It-tfittxija għal Zammit mill-Forzi Armati ta’ Malta permezz ta’ ħelikopter u bugħaddasa damet sejra numru ta’ sigħat fl-inħawi ta’ Baħar iċ-Ċagħaq. Zammit kien iħobb jogħdos u jistad għal ħut u skont ħbieb tiegħu kellu ammont ta’ esperjenza u kien metikoluż meta kien jipprattika dan il-passatemp.