Filmat: Tiġġudikax min jispiċċa bla saqaf fuq rasu

Read in English.

Ħafna ċirkostanzi jistgħu iwasslu biex persuni jispiċċaw mingħajr saqaf fuq rashom, u jibqa’ importanti li min jgħaddi minn din l-esperjenza ma jiġix iġġudikat jew ikkundannat.

Ir-realtà ta’ nies li jispiċċaw mingħajr post fejn joqogħdu ġiet diskussa fuq il-programm ta’ Andrew Azzopardi fuq 103 Malta’s Heart, fejn ipparteċipaw iċ-chair tal-Fondazzjoni Suret il-Bniedem Fr Karm Aquilina, il-community worker u l-kunsilliera lokali Żejtunija Stephania Fenech, u l-kap tar-riċerka tal-Caritas André Bonello. Kien hemm ukoll numru ta’ interventi telefoniċi.

Ħafna drabi, għażliet personali jistgħu iwasslu għal sitwazzjoni fejn persuni ma jistgħux aktar jaffordjaw iħallsu għal post fejn joqogħdu, iżda kif spjegaw numru ta’ kelliema, hu faċli tiġġudika u twaħħal f’xi ħadd mingħajr ma jkollhok stampa ċara tas-sitwazzjoni li jinsabu fiha.

Fr Aquilna spjega kif ħafna persuni li jispiċċaw bla saqaf fuq rashom ma jkunux qed jimmaniġġjaw il-flus tagħhom sew, però wissa wkoll li ħafna nies iħossu pressjoni kbira biex jidhru li mhux biss qed ilaħħqu mal-ħajja iżda wkoll mas-soċjetà. Min-naħa tagħha, Fenech innutat kif issib persuni bi problemi finanzjarji li jonfqu fuq servizzi bħal tad-dwiefer biex jaħbuhom, u Bonello wkoll innota li s-soċjetà żżid pressjonijiet addizjonali fuq min qed ibati biex ilaħħaq mal-ħajja.

Il-vizzju tad-droga wkoll iwassal għal persuni jispiċċaw bla dar, b’Fenech tinnota kif rat familji sħaħ jispiċċaw affettwati. Però għal darb’oħra, il-kelliema enfasizzaw l-importanza li min jispiċċa vittma taċ-ċirkostanzi ma jiġix iġġudikat.

Fr Aquilina nnota li importanti nistaqsu liema vojt persuni b’vizzju tad-droga qed jipprovaw jimlew. Stqarr kif darba staqsa żagħżugħ għala kien qed jeqred ħajtu bid-droga, u baqa jiftakar kif it-tweġiba kienet li jixtieq ikun kuntent bħalu.

Bonello wkoll wissa kontra kliem żejjed, u fakkar li ħafna persuni li jinstabu f’sitwazzjonijiet diffiċli – li diġà jsibuha diffiċli jistaqsu għall-għajnuna – għandhom bżonn sensittività u mħabba.

Il-problema ta’ pagi baxxi

Fl-istess ħin, però, numru ta’ kelliema nnutaw kif pagi baxxi – speċjalment meta mqabbla ma ċertu spejjeż – jistgħu iwasslu biex tiħrax il-problema. Filwaqt li l-kera għoliet ferm fl-aħħar snin, il-pagi ta’ ħafna nies m’għadhomx ilaħħqu, u b’hekk faċli ssib persuni li wara l-kera jibqagħlom biss xi €100-200 fix-xahar biex jgħixu.

Azzopardi staqsa kif il-problema għadha tinħass anke jekk l-ekonomija baqgħet tikber matul dawn l-aħħar snin, u Fr Aquilina insista li din mhux ħaġa stramba, għax il-problema qed tiżviluppa b’konsegwenza tal-mod kif qed tiżviluppa l-ekonomija.

L-attivista kontra l-faqar Matthew Borg, f’intervent telefoniku, insista li l-pagi baxxi huma l-kaġun ewlieni ta’ homelessness, u lmenta li ma kienx jidher li hemm rieda politika biex tiġi ndirizzata l-problema. L-Alleanza Konta l-Faqar, li Borg jagħmel parti minnha, qiegħda tipproponi l-kunċett ta’ “living income” biex jiġi ggarantit dħul adegwat għal kulħadd.

Għin int ukoll biex toħloq kuxjenza dwar in-nies bla saqaf fuq rashom. Ikteb fuq il-Facebook jew xi platform ieħor tal-media soċjali u għamel link għal dan l-artiklu. Forsi titħajjar ukoll mill-impjegati ta’ Newsbook.com.mt u 103 Malta’s Heart u taqbad l-ismart phone tiegħek u tagħmel messaġġ qasir bil-video.

Dan l-artiklu huma parti mill-kampanja ta’ Newsbook.com.mt u 103 ‘Ma Kienx Hemm Post Għalihom fil-Lukanda’.