Filmat: Tifla tinfaqa’ tibki waqt li tkanta u tbikkem udjenza

Tifla Sirjana ta’ disa’ snin nfaqgħet tibki waqt li f’The Voice kienet qed tkanta kanzunetta li tappella għall-paċi f’art twelidha, is-Sirja.
Ghina Bou Hemdan, li kienet qed tinterpreta l-kanzunetta Give us childhood, give us peace, wasslet ukoll biex bikkmet u bikkiet lill-parti l-kbira tal-udjenza fosthom membri tal-familja tagħha.
It-tifla nfaqgħet tibki f’nofs il-kanzunetta u hekk kif poġġiet idejha ma’ wiċċha u dehret li ma tistax tkompli, membru tal-ġurija, Nancy Ajram, li hija kantanta Lebaniża, marret ħdejha biex tagħtiha l-appoġġ.
Nancy għenet lit-tifla tgħolli rasha u kompliet tkanta magħha.
Il-kanzunetta oriġinali hi tal-kantant Lebaniż Remi Bandali u titratta l-miżerja li kienu jgħixu fiha t-tfal Lebaniżi waqt il-Gwerra Ċivili, bejn l-1975 u l-1990, li ħalliet 120,000 vittma.
It-tifla kienet qalet lill-ġurija li riedet tkanta din il-kanzunetta għad-drittijiet tat-tfal fis-Sirja.