Filmat: Tifla ta’ sentejn tfaqqa’ d-daħq mal-ħoss tal-bombi fis-Sirja

Għexieren ta’ tfal u familji qed jgħixu f’żoni tal-gwerra fis-Sirja. Wieħed forsi jistaqsi, il-ġenituri kif qatt jistgħu jsabbru lil uliedhom ċkejknin li forsi ma jifhmux x’inhu jiġri madwarhom? Jew forsi dawn it-tfal jafu eżatt x’inhu għaddej u jkollhom bżonn mekkaniżmu biex ma jgħixux ħajjithom imwerwrin.

Abdullah Mohammed u l-familja tiegħu qed jgħixu fil-qalba tal-gwerra ċivili fis-Sirja. Hu ħareġ b’mod uniku li bih bintu tista’ tkampa waqt l-attakki mill-ajru.

Meta ra lil bintu Salwa tibża’ mill-ħoss kbir tal-bombi, hu beda jkellimha dwar il-murtali u jgħidilha li ħsejjes kbar jistgħu ikunu xi ħaġa tad-daħk.

Abdullah qal li meta jkun hemm attakki tat-tip jipprova jagħmel minn kollox biex jidher ferħan u jżomm kontroll fuq l-emozzjonijiet tiegħu. Qal li b’dan il-mod, bintu żżonn kalma u tibqa’ ferħana wkoll.

Il-filmat ta’ Salwa tfaqqa’ d-daħk mal-ħoss tal-bombi dar madwar id-dinja fl-aħħar jiem u qajjem aktar kuxjenza dwar il-gwerra fis-Sirja.

Il-gwerra ċivili fis-Sirja hija gwerra bejn il-Ba’athist Syrian Arab Republic, immexxi mill-President Sirjan Bashar al-Assad, flimkien ma sieħba interni u barranin, kontra diversi forzi interni u internazzjonali li qed jopponu l-gvern Sirjan u lil xulxin.