Filmat: Tifgawniex – residenti tal-Kottonera kontra l-estensjoni tal-AUM

Read in English.

Il-grupp Azzjoni: Tuna Artna Lura ħareġ appell biex l-ispazju miftuħ fejn ippjanat ikun hemm estensjoni tal-American University of Malta jinżamm għall-benefiċċju tal-komunità, ftit jiem qabel l-appell tal-istituzzjoni edukattiva kontra r-rifjut tal-permess tal-iżvilupp għandu jinstema’.

Il-pjan tal-estensjoni kien ġie miċħud b’mod unanimu mill-Awtorità tal-Ippjanar f’Novembru tal-2019, minħabba tħassib fuq l-impatt tal-proġett fuq il-wirt kulturali tal-Kottonera.

Però l-AUM appellat id-deċiżjoni quddiem it-Tribunal ta’ Revizjoni tal-Ambjent u l-Ippjanar, u l-każ għandu jinstema fl-1 ta’ Ottubru fis-2pm, f’seduta li tista’ tiġi segwita online.

F’filmat qasir tagħħom, il-grupp Azzjoni: Tuna Artna Lura ta eżempji ta’ kif jistgħu jintużaw spazji miftuħa għall-benefiċċju tal-komunità u staqsew għala l-istess ma jistax jiġri fil-Kottonera.

Fakkru li l-Kottonera m’għandhiex ħafna spazji miftuħa, u li l-proġett ineħħi madwar 25% tal-ispazju miftuħ fil-madwar.

“Tifgawniex,” jikkonkludi l-appell tal-grupp.

Il-grupp ifakkar ukoll li minkejja l-pjan għall-estensjoni, ftit studenti għażlu li jistudjaw fl-AUM.