Filmat: Tifel Malti jmut bil-meninġite; “tallarmawx ruħkom”

Tifel żgħir Malti miet ilbieraħ wara li marad bit-tip ta’ meninġite magħrufa bħala strep pneumonia. Intant, Dr Tanya Melillo li tmexxi l-Infectious Diseases Prevention and Control Unit fi ħdan l-Isptar Mater Dei sostniet li ħadd ma għandu jallarma ruħu minħabba dan il-każ.

F’intervista ma’ Newsbook.com.mt, Dr Melillo spjegat kif il-każijiet ta’ meninġite joħorġu kull sena, speċjalment meta tkun iż-żmien tal-influwenza u jkun hemm ħafna iktar każijiet ta’ viruses minħabba t-temperaturi baxxi. Qalet kif fl-2017 u l-2018 kien hemm 11-il każ kull sena, filwaqt li fl-2016 kien hemm disa’.

“Hemm persuni li ġisimhom ma jkunx b’saħħtu biżżejjed”

Dr Melillo spjegat li jkun hemm persuni li sfortunatament ġisimhom ma jkunx b’saħħtu biżżejjed biex jikkumbatti l-batterji b’saħħithom li jattakkawh. Qalet li minkejja huma rari, jkun hemm każijiet li lanqas it-tobba ma jirnexxielhom jiġġieldu fis-sħiħ. Propju fl-2016 kien hemm żagħżugħ li miet kawża tal-meninġite, fl-2017 kien hemm tfajla, fl-2018 il-marda ma ħadet ħajjet ħadd. Spjegat kif din is-sena bdiet bl-isfortuna li tifel żgħir wasal sabiex tilef ħajtu.

Waqt l-intervista, Dr Melillo insistiet li huwa tajjeb li wieħed ikun jaf li dawn il-batterji jgħixu ġol-bniedem, wara l-passaġġi tal-imnieħer u ma jagħmlu xejn. Spjegat li mbagħad xi batterja “tqum mir-raqda u tattakka l-ġisem”, possibilment fi żmien meta l-ġisem ikun dgħajjef. Din tattakka l-meninġiti li huma l-covering tar-ras, fejn ikun hemm il-moħħ. Propju kif ġara fit-tifel li miet ilbieraħ.

“Tista’ tittieħed iżda tattakka jekk ma tkunx f’saħħtek”

Dr Melillo spjegat li sakemm wieħed ikun f’saħħtu, jiekol ikel sustanzjuż, jagħmel eżerċizzju, jorqod sew u ma jkollux livell ta’ stress għoli, jekk il-batterji jidħlu ġo fih ma jagħmlux ħsara. Spjegat li persuna f’saħħitha jkollha ċ-ċelloli bojod li jattakkaw dawn il-mikrobi. Qalet li dawn il-mokrobi jistgħu jiġu trażmessi jekk wieħed jagħtas jew jitkellem wisq viċin ta’ persuna oħra.

“Jekk ma tiflaħx, oqgħod id-dar”

Intant appellat sabiex persuni li jkunu ma jifilħux u jkollhom l-influwenza joqgħodu d-dar sabiex il-marda ma tkomplix tinfirex. Qalet ukoll li importanti li wieħed juża tissue meta jgħatas jew jisgħol, wara jarmih imbagħad jaħsel idejh immedjatament.

Filmat: Luke Zerafa