Filmat: Tifel aggredit minn raġel f’San Pawl il-Baħar

Aġġornat 05:55 PM

Read in English.

Tifel ta’ karnaġġjon skur ġie aggredit minn raġel abjad f’San Pawl il-Baħar.

Omm it-tifel qalet lil Newsbook.com.mt li t-tifel tagħha li għandu 15-il sena kien dieħel f’ħanut fi Triq it-Turisti. Spjegat li kellu maskra ma’ wiċċu u li kien qed jilbisha.

L-omm qalet li s-sid il-ħanut qallu jilbes il-maskra u li t-tifel qallu li hekk kien se jagħmel. Kompliet tgħid li s-sid reġa’ qal lit-tifel jilbisha u li t-tifel qallu biex jikkalma.

“Sid il-ħanut talbu biex joħroġ ‘il barra,” qalet l-omm. Spjegat li sid il-ħanut imbagħad qal kliem razzista lit-tifel tagħha. Kompliet tgħid li t-tifel tagħha mbagħad għamel xi mossa wara li qasam it-triq u li r-raġel ħareġ mill-ħanut u attakkah. Spjegat li r-raġel uża injama fl-attakk. Allegat ukoll li r-raġel kellu baseball bat li ma tidhirx fil-filmat.

Newsbook.com.mt ċempel lill-ħanut inkwistjoni. Il-persuna li qabdet it-telefon qalet li ma jridux jikkumentaw dwar il-każ. Qalet li l-każ jinsab f’idejn il-Pulizija.

L-omm qalet li l-filmat inġibed minn sħab it-tifel li qalu li r-raġel attakka lit-tifel l-ewwel.

Kelliem għall-Pulizija qal lil Newsbook.com.mt li r-rapport dwar l-inċident sar ilbieraħ għall-4pm. Qal li r-rapport huwa dwar argument u li l-Pulizija qed tkellem persuna b’rabta mal-każ. L-investigazzjonijiet għadhom għaddejjin. Il-kelliem qal li persuna li kienet involuta fl-argument marret f’ċentru tas-saħħa għall-kura.

Hemm Għassa tal-Pulizija madwar 100 metru ‘l bogħod minn fejn ġara l-inċident.