Filmat: Tieqaf tikkopera mal-Pulizija għax heddewlha lil familtha fil-Kolombja

Read in English.

Tfajla mill-Kolombja li kienet vittma tat-traffikar uman waqfet tikkopera mal-Pulizija wara li ġiet mhedda familtha fil-Kolombja. Dan qalu ma’ Newsbook.com.mt l-Assistent Kummissarju Dr Dennis Theuma, f’intervista dwar il-ħidma tal-Pulizija fil-qasam tat-traffikar.

It-traffikar uman huwa l-kummerċ ta’ persuni għal skopijiet ta’ xogħol sfurzat, skjavitù sesswali, jew sfruttar għal skopijiet kummerċjali sesswali. Dan jista’ jkun jew żwieġ bilfors, jew teħid tal-organi. Traffikar uman jista’ jsir jew fl-istess pajjiż jew min pajjiż għall-ieħor.

Waqt li kien qed jitkellem fuq traffikar uman għal skopijiet ta’ sess, Dr Theuma ftakar kif darba kellhom każ fejn il-vittma ma riditx titkellem b’mod uffiċjali minkejja li kellha l-elementi kollha ta’ każ ta’ traffikar. Spjega li t-tfajla kienet ġiet Malta biex tagħmel il-flus u tkun tista’ tibgħathom lil familtha, iżda spiċċat tipprostitwixxi ruħha. Ġara imma li heddew lil familtha fil-Kolombja meta hi bdiet titkellem mal-Pulizija u wissewha li jkun hemm konsegwenzi fuq familtha, jekk hi ma toqgħodx kwieta. L-Assistent Kummissarju spjega kif f’dan il-każ ma kellhomx kontroll fuq dak li ġara fil-Kolombja u għaldaqstant l-investigazzjoni waqfet hemm.

“Aġenziji ġenwini, oħrajn bla skrupli”

Huwa stqarr li mhux faċli għall-vittmi jitkellmu għax ħafna drabi ma jkollhom lil ħadd f’Malta. Żied jgħid li huma jgħaddu minn trawma.

F’każijiet ta’ traffikar, il-Pulizija tinvestiga u eventwalment tressaq il-persuni l-Qorti.

Newsbook.com.mt staqsa lil Theuma x’tip ta’ każijiet jiltaqgħu magħhom il-Pulizija minbarra traffikar għal skop ta’ sess, bl-Assistent Kummissarju jgħid li jiltaqgħu ma’ każijiet ta’ xogħol sfurzat. Theuma stqarr li huwa ‘fatt magħruf li l-ekonomija ta’ Malta hi b’saħħitha, u dan jattira diversi ħaddiema barranin’. Sostna li filwaqt li hawn aġenziji li huma ġenwini, hemm oħrajn li huma ‘bla skrupli’ u ħadu vantaġġ minn fuq persuni li qed ifittxu xogħol aħjar f’pajjiż ieħor.

Spjega kif ħaddiema barranin kienu ġew imwiegħda ċertu kundizzjonijiet ta’ xogħol u paga, iżda ġaladarba jaslu Malta ma jsibu xejn minn dan. Ħafna drabi dawn il-ħaddiema jagħmlu “investiment”, hekk kif iħallsu ammonti kbar lil dawn l-aġenziji f’pajjiżhom. Ġeneralment ħafna minn dawn il-ħaddiema jkunu ġejjin minn pajjiżi minn barra l-Unjoni Ewropea bħan-Nepal, il-Pakistan u l-Indja.

Dr Theuma spjega li dawn ġeneralment iħallsu somom sostanzjali meta wieħed iqis il-paga u l-kundizzjonijiet f’pajjiżhom sabiex jiġu jaħdmu f’Malta. Fisser li dan għalihom ikun “investiment”, biex meta jibdew jaħdmu f’Malta jew jibagħtu l-flus lura jew inkella jġibu l-qraba tagħhom hawnhekk. L-Assistent Kummissarju sostna li l-ammonti jvarjaw minn €4,000 għal €5,000, u ma jeskludix li dawn il-flus ikunu jew isellfuhom fuq l-idejn jew mingħand il-qraba tagħhom. Huwa saħaq li wieħed għandu jifhem ir-realtà.

Il-vittmi tat-traffikar ħafna drabi ma jkollhom lil ħadd f’Malta għand min jistgħu jmorru, sostna Theuma. Żied jgħid li dawn ġieli jispiċċaw f’ċirku vizzjuż, hekk kif ikollhom id-dejn xi jħallsu talli jkunu ġew hawn. Dan iħalli lill-vittmi b’żewġ għażliet, li jew jitkellmu mal-awtoritajiet jew inkella jaċċettaw il-kundizzjonijiet ta’ sfruttament.

Theuma saħaq dwar l-importanza li diversi entitajiet jaħdmu flimkien fuq każijiet tat-traffikar. Dawn jinkludu l-għaqdiet mhux governattivi, il-Pulizija, u entitajiet tal-gvern bħal FSWS, il-Fondazzjoni għall-Ħarsien tas-Soċjetà.

Dwar il-massage parlours, Dr Theuma leħħen it-tħassib tal-Pulizija, u qal li filwaqt li hawn minnhom li huma verament għall-massaġġi, ħwienet oħra jaf iservu biex jagħtu għal dak li verament ikun qed iseħħ wara bibien magħluqa. Żied jgħid li f’każijiet ta’ prostituzzjoni, wieħed jista’ jsib vittmi ta’ traffikar.

Huwa spjega li hemm sinjali li juru li persuna tista’ tkun vittma tat-traffikar fil-każ ta’ massage parlours. Żied jgħid li jekk wieħed jinnota xi attività suspettuża bħal pereżempju grupp ta’ nisa ġejjin minn pajjiżi mill-Lvant tal-Ewropa, jew l-Amerika t’Isfel jew iċ-Ċina, li qegħdin jitwasslu bħala grupp fuq il-post tax-xogħol u attività oħra li tindika li l-post mhux qed jintuża għall-massaġġi iżda għall-prostituzzjoni, wieħed jista’ jgħaddi l-informazzjoni lill-Pulizija biex tkun tista’ tinvestiga.

Aqra iktar:

X’tista tagħmel jekk tiskopri li persuna qed tiġi traffikata?

Kif tinduna li persuna hija vittma ta’ traffikar uman?

Imnedija kampanja nazzjonali kontra t-traffikar uman