Filmat: Tieqa kronoloġika fuq il-mużika f’Malta

Waqt il-programm Kun Afhom Aħjar ma’ Coryse Borg, Francesca Balzan tkellmet dwar ‘Music in Malta – From Prehistory to Vinyl’.

Dan il-proġett ġdid imnebbaħ minn Fondazzjoni Patrimonju Malti se joħodna fil-qofol  tal-istorja u l-evoluzzjoni tal-mużika u l-istrumenti mużikali f’Malta, filwaqt li jixħet ħarsa wkoll fuq l-impatt li pajjiżi madwar il-Mediterran kellhom fuqhom.

Il-proġett se jikkonsisti f’wirja mdaqqsa u programm mimli produzzjonijiet u kunċerti minn mużiċisti Maltin u barranin.

Il-kuratriċi ta’ din il-wirja, li ser tkun miftuħa għall-pubbliku bejn l-14 ta’ April u s-16 ta’ Ġunju 2019, hija Dr Anna Borg Cardona, mużikoloġista u waħda mill-awtorijiet ta’ pajjiżna fuq dak li għandu x’jaqsam mal-mużika u strumenti folkloristiċi lokali. Bħal tieqa kronoloġika li tiftaħ fuq medda twila ta’ żmien, bejn il-preistorja u l-età moderna, din il-wirja għanda l-għan aħħari li turi kif strumenti tradizzjonali Maltin, miġburin minn għadd ta’ kollezzjonijiet privati u pubbliċi, kisbu karatteristiċi tipiċi li jqiegħdom sewwa sew fuq il-fruntiera ta’ kuntest Mediterranju.

Għal aktar informazzjoni dwar il-wirja u l-programm ta’ kunċerti, żuru l-websajt.