Filmat: Tiddaħħal Malta l-koppja Maltija li kienet fuq cruiseliner

Read in English.

Il-koppja Maltija anzjana li kienet tinsab fuq cruiseliner iddaħħlet Malta permezz ta’ lanċa b’ħidma ta’ Transport Malta llum.

Il-Gvern kien qal li dan se jsir permezz ta’ lanċa li toħroġ għall-koppja meta l-cruiseliner ikun qed jieħu l-fuel viċin ta’ Malta.

Filmat tal-ħidma mtella’ mill-Ministru għat-Turiżmu Ian Borg juri d-diversi ħaddiema u baħħara involuti lebsin l-ilbies bħala prekawzjoni. Borg spjega li l-ħidma saret 13-il mil ‘il barra mill-Gżejjer Maltin minn Transport Malta u Pilot Foxtrot.

Spjega li issa Joe Mercieca u Marthese Bonello nġiebu lura f’Malta qawwijin u sħaħ fid-dawl tal-pandemija tal-coronavirus. Hu rringrazzja lill-ħaddiema kollha tas-sehem tagħhom fiċ-ċirkustanzi delikati bħal dawn.

Iż-żewġ anzjani ta’ 70 sena ddaħħlu Malta mingħajr ma tħalla jidħol fil-portijiet Maltin il-cruiseliner li kienu jinsabu fuqu. Dan issa se jaqbad triqtu lejn l-Ingilterra. Huma kienu bagħtu ittra lill-Professur Charmaine Gauci biex tintervjeni biex huma jiġu Malta minħabba li qalu li fl-Ingilterra jistgħu jkunu aktar esposti għall-coronavirus.

Filmat: Ministru Ian Borg

Jekk tixtieq tkun minn tal-ewwel li tirċievi l-aħħar aħbarijiet dwar il-coronavirus f’Malta, niżżel l-APP ta’ Newsbook minn hawn