Filmat: “Tibżgħux minn min jipprova jintimidakom” – Metsola lin-nisa

Il-Membru Parlamentari Ewropew Roberta Metsola appellat lin-nisa sabiex ma jibżgħux minn min jipprova jintimidahom. 

Metsola kienet qed twieġeb il-mistoqsijiet ta’ Newsbook.com.mt f’intervista fi Strasburgu wara li persuna hedditha b’ħajjitha online. Metsola sostniet li l-ewwel pass li għandu jsir huwa li jiġi assigurat li ħadd iktar ma jaħseb li jista’ jikteb li jrid fuq Facebook biex jgħalaq ħalq dak li qed jesprimi opinjoni. Insistiet li ma jistax ikun li t-theddid isir xi ħaġa “normali”.

Insistiet li minkejja li ninsabu f’soċjetà li għandha l-libertà tal-espressjoni, din għandha l-limiti tagħha. Dawn il-limiti jiżguraw li l-persuni li qed jesprimu l-opinjoni tagħhom jipproteġu lilhom infushom.

F’Mejju li għadda, Metsola rċeviet theddida mingħand ċertu Josef Farrugia li qalilha biex toqgħod b’seba’ mitt għajn għax hemm ċans li tispiċċa bħall-ġurnalista assassinata Daphne Caruana Galizia. Caruana Galizia inqatlet permezz ta’ karozza bomba fis-16 ta’ Ottubru tal-2017. Farrugia ingħata l-ħelsien mill-arrest ikkundizzjonat wara li ammetta l-akkużi miġjuba kontrih.

Metsola qalet li l-messaġġ tagħha huwa li kull min jixtieq jesprimi l-opinjoni tiegħu, jikritika fejn hemm bżonn u jkun ċittadin attiv kemm b’mod soċjali kif ukoll politiku, ma jħossux taħt theddida. Intant sostniet li ċerta li din is-sitwazzjoni ta’ mibgħeda mhix se tkun l-aħħar waħda.

Qalet li taħseb li n-nisa huma taħt attakk akbar. “Tibżgħux minn min jheddidkom, tibżgħux minn min jipprova jintimidakom, għaliex f’soċjetà bħal tagħna jrid ikun hemm il-mezzi biex intkom tkunu protetti,” temmet tgħid Metsola.