Aġġornata (2): L-Amministrattiv jiddikjara fiduċja f’Delia

Il-Kunsill Amministrattiv tal-Partit Nazzjonalista ddikjara fiduċja fil-Kap Nazzjonalista Adrian Delia f’laqgħa li saret illejla fid-Dar Ċentrali.

Fi stqarrija qasira li nħarġet mill-Partit Nazzjonalista llejla ntqal li “b’mod unanimu” il-Kunsill Amminstrattiv iddikjara l-appoġġ tiegħu lill-Kap Adrian Delia. Dan filwaqt li skont l-istqarrija, ikkundanna “bl-aktar mod kategoriku l-attakki kkordinati u malizzjużi li qed isiru kontra tiegħu u kontra l-partit”.

“Bl-affarijiet li nafu sa issa, iddeċidejna li nżommu mal-istqarrija”

Ikkuntattjat minn Newsbook.com.mt, il-President tal-Eżekuttiv Mark Anthony Sammut qal li fil-laqgħa kien hemm numru kbir ta’ kwistjonijiet li tqajjmu dwar is-sitwazzjoni. Qal li anke hu kien wieħed minn dawk li qajjmu dawn il-kwistjonijiet mal-Kap Nazzjonalista. Qal iżda li bl-affarijiet li jafu sa issa ddeċidew li jżommu mal-istqarrija li ġiet ippubblikata. Sammut sostna li Delia tkellem fit-tul dwar il-kwistjonijiet li tqajjmu.

Kien is-Segretarju Ġenerali tal-PN Clyde Puli li qara l-istqarrija li nħarġet fejn sostna li “mil-lum ‘il quddiem business as usual għall-Partit Nazzjonalista”.

Qabel il-laqgħa, il-Kap tal-Partit Nazzjonalista jgħid li għad għandu s-sapport li dejjem kellu minn din l-istruttura interna tal-Partit Nazzjonalista. Qal li sa issa ma hemm xejn li juri li l-membri m’għadx għandhom fiduċja fih. Huwa reġa’ sostna li l-kwistjonijiet personali m’għandhomx ikunu ta’ preokkupazzjoni għal dawk ta’ madwaru sakemm dawn ma jkunux qed ixekkluh milli jagħmel xogħlu.

Dwar il-Grupp Parlamentari, Delia qal li sa issa ma ħassx il-ħtieġa li jsejjaħ laqgħa urġenti iżda fl-istess waqt fakkar fid-deċiżjoni li ħa biex jumejn wara l-Milied il-Grupp Parlamentari jiltaqa’ biex jiddiskuti l-kwistjoni tal-art li se tinbiegħ bi prezz irħis lill-Grupp Corinthia qrib il-bajja ta’ San Ġorġ f’Pembroke.

Intant, Newsbook.com.mt staqsa kemm lill-President tal-Amministrattiv David Stellini u liż-żewġ Viċi Kapijiet Robert Arrigo u David Agius dwar x’se jiddiskutu fil-laqgħa, b’kollha kemm huma jgħidu li l-laqgħa hija privata. Robert Arrigo sostna li l-aġenda tal-laqgħa hija l-istess bħal dik li ssir kull xahar.

Dwar il-Kumitat Eżekuttiv, minkejja li rapporti fil-midja qed jgħidu li l-Ħamis se jiltaqa’ biex jiddiskuti wkoll il-Kap, is-sorsi tagħna qalu li “għad m’hemm l-ebda data deċiża”.

PN: Mhux deċiża d-data għall-Eżekuttiv

Fis-7 ta’ Jannar li għadda, il-President tal-Kumitat Eżekuttiv tal-PN Mark Anthony Sammut qal ma’ Newsbook.com.mt li s-sitwazzjoni preżenti fil-partit tqanqal tħassib u li ilu li talab lis-Segretarju Ġenerali tal-PN għal laqgħa. Il-Membru Parlamentari u President tal-Kumitat Amministrattiv tal-PN David Stellini qal li hemm bżonn laqgħa urġenti.

Awdjo: “Ilni li tlabt lis-Segretarju Ġenerali għal laqgħa”

Madanakollu għadu mhux magħruf meta se jitlaqqa’ l-Grupp Parlamentari Nazzjonalista, minkejja li nhar it-Tnejn reġa’ fetaħ il-Parlament wara l-btajjel tal-Milied. Fil-jiem li għaddew deputati li tkellmu magħna lmentaw għal dan il-fatt, b’wieħed minnhom jgħid li diriġenti tal-partit ġrew wara l-iżgħar kumitati sezzjonali biex joħorġu dikjarazzjoni favur il-Kap, imma ma ġrewx warajhom biex jiltaqa’ l-Grupp Parlamentari.

Kumitati PN: Kemm jappoġġjaw lil Delia? U l-MPs?

F’intervista waqt Follow Up fuq RTK 103FM, Adrian Delia qal li m’għandux problema li jlaqqa’ l-Grupp Parlamentari.

Filmat: Tal-Gvern fatti, tiegħi allegazzjonijiet – Delia

Fl-aħħar ġimgħat Adrian Delia beda jaffaċċja allegazzjonijiet ta’ vjolenza domestika. Dr Delia wiegħed li wara dan kollu se joħroġ aktar f’saħħtu aktar minn qatt qabel, filwaqt li ddeskriva l-akkużi bħala parti minn pjan biex ixekkel il-progress tiegħu fis-sondaġġi.

Filmat: Adrian Delia se jgħaddi minn ġon-nar u joħroġ aktar b’saħħtu

Filwaqt li qal li filmati li ġew iċċirkolati kienu editjati, Adrian Delia saħaq li l-pożizzjoni ta’ mexxej politiku ma tibqax tenibbli jekk jinstab ħati li wettaq vjolenza domestika.

Filmati: Luke Zerafa