Filmat: Tibda’ l-kampanja għall-elezzjonijiet tal-MEPs

Dalgħodu ġiet imnedija l-kampanja ta’ informazzjoni dwar kif jaħdem il-Parlament Ewropew, kampanja li se twassal għall-elezzjonijiet tal-Parlament Ewropew fl-24 ta’ Mejju tas-sena li ġejja. 

Peter Agius, il-Kap tal-Uffiċċju tal-Parlament Ewropew f’Malta qal li din hija opportunita’ biex il-vuċi Maltija tinstema’ anke fuq livell Ewropew. Agius qal li Malta kapaċi tinfluwenza deċiżjonijiet fejn jidħlu bosta suġġetti fosthom ukoll l-immigrazjoni irregolari. Peter Agius saħaq li dawn l-elezzjonijiet huma differenti minn dawk tal-2004 u tal-2009, dan għaliex il-Parlament  Ewropew issa huwa iktar b’saħħtu. Huwa saħaq li f’din il-kampanja jeħtieġ li ndaħħlu l-element Ewropew f’Malta filwaqt li ndaħħlu l-element lokali fuq livell Ewropew. 

Hawnhekk il-Kap tal-Uffiċċju tal-Parlament Ewropew f’Malta, fakkar li f’Jannar, Malta se tkun qed tmexxi il presidenza tal-Kunsill Ewropew. 

F’din l-elezzjoni għall-Parlament Ewropew se jkun hemm mal 64,000 persuna li ma vvutatx fir-Referendum għas-sħubnija ta’ Malta fl-Unjoni Ewropea. 19,000 se jivvuttaw għall-ewwel darba u 6,700 huma barranin li jgħixu Malta u li huma eleġibbli li jivvutaw. 

Fost l-inizzjattivi li se jkunu organizzati mill-Uffiċċju tal-Parlament Ewropew f'Malta, se jkun qed isir servej mal-Għawdxin dwar dak li jeħtieġ isir f'Għawdex.

Dr Aguis semma' kif l-uffiċċju f'Malta se jkun qed jipprovdi biss pjattaforma tul din il-kampanja. Dan għaliex il-kampanja propja issa se tkun qed issir mill-partiti politiċi lokali.