Filmat: The Daphne Project: Kjarifika mill-Europol u l-Korp; “Qatt ma kont naf bit-tħassib” – Farrugia

Il-Korp tal-Pulizija qal li r-rimarka tad-Direttur Eżekuttiv tal-Europol li hemm lok għal titjib fil-koperazzjoni dwar l-assassinju tal-ġurnalista Daphne Caruana Galizia, ma kinitx dwar il-Pulizija Malta imma dawk f’pajjiżi oħra. Min-naħa l-oħra, il-Ministru għall-Intern stqarr li qatt ma nġibditlu l-attenzjoni dwar dan.
Fi stqarrija llum waranofsinhar, il-Korp qal li dan ġie kkonfermat miegħu mill-Aġenzija tas-Sigurtà fl-Ewropa, wara li dalgħodu talabha kjarifika urġenti. Żied jgħid li l-Europol ikkonfermat li Wainright ried ifisser li pajjiżi oħra għandhom jikkoperaw mal-Pulizija Maltija f’dan il-każ.
Ilbieraħ, The Daphne Project ħareġ storja oħra, li tgħid li l-investigazzjoni dwar l-assassinju tal-ġurnalista, qed tkun ta’ tħassib għall-Europol u li hemm lok ta’ titjib fil-koperazzjoni.
Dalgħodu, ma’ Newsbook.com.mt, il-Ministru għall-Intern Michael Farrugia sostna li minkejja li ltaqa’ kemm-il darba mad-Direttur Eżekuttiv tal-Europol, Rob Wainwright qatt ma ġibidlu l-attenzjoni dwar dan it-tħassib tiegħu.
Irrimarka li dalgħodu stess tkellem mal-Pulizija u staqsa jekk min-naħa tagħhom irċevewx xi tip ta’ notifika dwar dan it-tħassib. Stqarr li l-Korp ikkonfermalu li ma rċieva l-ebda messaġġ dwar dan, la bil-kitba u lanqas bil-fomm.
Dr Farrugia kompla jispjega kif l-investigazzjonijiet mill-Pulizija għadhom għaddejjin, “filwaqt li hemm ukoll investigazzjoni paralella mill-Maġistrat inkarigata mill-każ tal-assassinju”.
Sostna li l-Europol kienu u għadhom qed ikunu parti sostanzjali mill-investigazzjonijiet, flimkien mal-FBI u l-uffiċjali Olandiżi li għenu f’żoni fejn il-Korp tal-Pulizija ma setax jasal waħdu.
Il-Ministru stqarr li l-investigazzjonijiet għandhom jibqgħu għaddejjin u ma jiqfux mat-tliet persuni akkużati, iżda tinstab kull persuna li b’xi mod jew ieħor kellha x’taqsam mal-assassinju.