Filmat: The Crowns b’kunċert biex iniedu t-tieni album

Wara li dan l-aħħar nedew il-vidjow mużikali Royal, b’direzzjoni ta’ Gordon Bonello, filmat ta’ Rodney Gauci u muntaġġ ta’ Duane Laus, The Crowns issa qed iħejju għal kunċert nhar il-Ġimgħa 25 ta’ Ottubru, biex matulu jniedu t-tieni album tagħhom Next In Line.

Il-kunċert se jittella’ f’The Palace, Raħal Ġdid u l-grupp mhux biss se jkun qed idoqq siltiet mit-tieni album tagħhom iżda wkoll siltiet mill-ewwel album tagħhom li ħarġu fl-2013.

L-album il-ġdid se jkollu 12-il silta u l-grupp ħadem mill-qrib ma’ Stephanie Galea għall-artwork ta’ dan l-album.

Bi tħejjija għal dan l-album il-ġdid, il-grupp diġà ħareġ ukoll Calling My Name f’Mejju li għadda, kif ukoll is-silta We’re Gonna f’Lulju.

Għal aktar dettalji dwar il-kunċert tal-Ġimgħa 25 ta’ Ottubru, idħlu fil-paġna Facebook ta’ The Crowns jew permezz tal-Instagram tagħhom.