Filmat: Tħarsux lejn persuni trans bħala vittmi – Angela Coleiro

Read in English.

Il-preżentatriċi, attriċi u l-kandidata għall-elezzjoni ġenerali Angela Coleiro mhux l-ewwel darba li spiċċat fil-mira ta’ abbuż transfobiku. Il-Ħadd li għadda Angela Coleiro sfat attakkatha b’mod transfobiku wara li indirizzat attivita politika. Hija qalet li bl-ebda mod ma trid tinftiehem li hija jew persuni oħra trans għandhom jiġu meqjusa bħala vittmi.

Coleiro kienet intervistata s-Sibt fl-edizzjoni ta’ Andrew Azzopardi on 103, jiem wara li indirizzat attività politika tal-Partit Nazzjonalista fiż-Żurrieq.

Din mhux l-ewwel darba li Angela Coleiro ġiet attakkata madankollu f’Ġunju li għadda hija għamlet rapport lill-pulizija fuq kummenti transfobiċi li rċeviet fuq Facebook. Hija kienet ġiet attakkata wara kumment politiku li għamlet.

Coleiro qalet li ħasset sens ta’ sodisfazzjon li dawk li attakkawha ma setgħux jattakkaw l-argumenti li għamlet fid-diskors tagħha u għalhekk iddeċidew li jattakkawha bl-aktar mod baxx.

Angela Coleiro li għamlet l-operazzjoni 27 sena ilu. Hija spjegat li hija maż-żmien rabbiet qoxra ħoxna iżda hemm persuni oħra li dawn il-kummenti jistgħu jaffettwaw persuni oħra b’mod ħażin.

Dan mhux vantaġġ politiku

Angela Coleiro esprimiet dispjaċir għal dawn il-kummenti u enfasizzat li hija sempliċiment Angela, madankollu rrikonoxxiet l-importanza li titkellem dwar dawn il-kustjonijiet.

Coleiro hija l-ewwel persuna trans li se tkun qed tikkontesta l-elezzjonijiet ġenerali. Fil-ġimgħat li għaddew il-Partit Nazzjonalista approva l-kandidatura tagħha. Hija enfasizzat li mhijiex se tkun rappreżentanta tal-komunità trans u lanqas trid li tkun.

Meta mistqosija jekk hija ma tapprovax li jkun hemm avvenimenti marbuta mal-komunità LGBTIQ+ hija qalet li le imma tittama fiż-żmien li ma jkun għad hemm bżonn dawn l-avvenimenti. Hija semmiet li kemm il-Partit Nazzjonalista kif ukoll il-Partit Laburista għandhom is-sezzjonijiet tan-nisa imma m’għandhomx is-sezzjoni tal-irġiel.

Id-dispjaċir tagħha għal dawn il-kummenti ġejja mid-diżapprovazzjoni tagħha li persuni trans jiġu meqjusa bħala vittmi anke meta jirċievu insulti. Hija żiedet li persuni trans jaffaċċjaw diversi sfidi, fil-każ tagħha hija indirizzat din l-isfida permezz tal-operazzjoni. Hija ċċarat li mhux kull persuna trans tiddeċiedi li tagħmel l-operazzjoni. Spjegat li fil-każ tagħha hija twieldet mara. “Jiena kont diġà Anġela, l-għażla kienet jekk hux se nirranġa ġismi biex jirrifletti dak li jiena minn ġewwa jew se nkompli ngħix f’ġidba,” sostniet Coleiro.