Filmat: Thake jimplika li Delia għandu jirriżenja

Read in English.

Minkejja li l-Membru Parlamentari Nazzjonalista David Thake insista li ma jridx jgħid lill-Kap tal-Oppożizzjoni Adrian Delia x’għandu jagħmel fid-dawl tal-allegazzjonijiet, hu implika li dan għandu jirreżenja.

Thake qal dan wara li dalgħodu ta’ x-xhieda tiegħu fil-magħluq dwar l-allegata offerta ta’ flus ta’ Yorgen Fenech lill-Partit Nazzjonalista sabiex David Casa ma jkunx elett fil-Parlament Ewropew.

Dwar jekk Delia għandux jirreżenja minn Kap tal-Partit Nazzjonalista fid-dawl ta’ dawn l-allegazzjonijiet, Thake qal li jemmen li l-politika għandha tkun nadifa u tidher ċar li hi nadifa. Hu insista li mhux se jkun hu li jgħid lil Delia x’għandu jew x’ma għandux jagħmel. Iżda fl-istess nifs insista li kull persuna li tinsab f’pożizzjoni pubblika għandha ġġorr responsabbiltà f’każ ta’ allegazzjonijiet dabiex tkun tista’ tiffoka biex tnaddaf isimha.

Thake insista li l-politika għandha tkun hemm biex tagħmel il-ġid lin-nies. Qal li kull min iħoss li qiegħed hemm u bil-pożizzjoni tiegħu mhux qed jagħmel il-ġid u mhux nadif tazza għandu jwarrab biex ismu jkun imnaddaf.

Irrimarka li jemmen li wieħed mill-persuni li għandhom iwarrbu huwa l-Ministru tal-Finanzi Edward Scicluna li jinsab taħt investigazzjoni kriminali fejn tidħol il-ftehim tal-Vitals Global Healthcare. Insista li kwalunkwe persuna li qegħda f’kariga ta’ responsabbiltà trid tiddefendi dik il-kariga. “Il-kariga hija ħafna akbar mill-persuna siegħa jekk Ministru, MP, kwalunkwe kariga fi kwalunkwe partit politiku,” tenna Thake.

“Irridu ngħaddu l-messaġġ li l-politika qiegħda hemm biex isir il-ġid. Meta jkunu qed isiru allegazzjonijiet b’mod persistenti, allegazzjonijiet li jqajmu dubji kbar, għandu jwarrab biex jitnaddaf ismu. Ħadd m’hu ħati qabel ma jinstab ħati, però rridu nkunu responsabbli tal-kariga li nokkupaw,” sostna Thake.

Thake iħossu komdu jkun parti mill-PN?

Dwar jekk iħossux komdu jkun parti mill-Partit Nazzjonalista u l-Oppożizzjoni, Thake qal ma’ Newsbook.com.mt li l-PN mhux magħmul minn individwu jew tnejn jew ħamsa. Qal li l-PN huwa partit bi storja kbira u li għandu futur glorjuż daqs kemm hu glorjuż il-passat tiegħu. Thake qal li xogħolu hu li jagħmel il-ġid lin-nies u biex jara li l-politika tkun nadifa u titnaddaf.

Filmat: Miguela Xuereb; Mistoqsijiet: Amy Borg