Filmat: Tgħidlu “IVA” waqt it-tieġ ta’ Kelma Kelma u Nota Nota

Għat-tieni darba konsekuttiva, il-kunċert ta' Kelma Kelma u Nota Nota kien suċċess.  Dawk li marru għall-ewwel darba żgur ħadu gost kif il-mużika rnexxielha tiżżewweġ mal-kelma Maltija.
Id-dawl mexa minn fuq il-palk għal fuq il-pubbliku meta f'daqqa u l-ħin, il-preżentatur Ray Calleja niżel fost in-nies b'barmil f'idejh u bix-xampanja u ħa stessu mal-President ta' Malta Marie-Louise Coleiro Preca u s-Sinjur Preca.
Iżda dawk li kienu preżenti, inkluż il-President ta' Malta, żgur ma stennewx li apparti l-istessu mhux mistenni, se jkun hemm sorpriża ferm ikbar.
Meta Ray Calleja staqsa lin-nies jekk hemmx xi ħadd li għandu xi ħaġa importanti xi jħabbar, Josef Cauchi, li kien bil-qiegħda fuq quddiem qam bil-wieqfa u ppropona lit-tfajla tiegħu Maria Attard biex tiżżewwġu.  Wara d-dikjarazzjoni ta' mħabba, li kien fiha wkoll ftit sens umoristiku, Maria aċċettat li ssir martu.
Malli nstemgħet tgħid l-"iva", Pjazza Teatru Rjal nfexxet f'ċapċipa liema bħalha, ikkumplimentata bil-mużika tal-Big Band Brothers.  
Ta' min isemmi li l-għarus, Josef Cauchi, jiġi ħu Daniel Cauchi, l-kantant ewlieni ta' din il-banda.

Filmat: Catherine Aquilina