Filmat: Tgħid illejla se jikxfu min qatel lil Bettina?

Kif diġà tafu l-aħħar 3 puntati tas-sensiela L-Għarusa mhux se jkunu qed jixxandru għalissa minħabba li l-ġbid fuq din is-sensiela kellu jieqaf biex tinħares is-sigurtà tal-membri tal-cast u l-crew minħabba fil-coronavirus.

Madanakollu llejla se jkun qed jitwassal programm speċjali li se jeħodna minn wara ‘l kwinti ta’ din is-sensiela popolari fejn fost oħrajn se naraw kif inħadmu ċerti xeni li spikkaw, fosthom dik tal-ferrovija kif ukoll dik tal-isparatura.

Mhux se jonqsu l-kurżitajiet u waqtiet li jnisslu tbissima hekk kif naraw filmati li juru l-iżbalji waqt il-ġbid tas-sensiela.

Iżda l-mistoqsija tas-segwaċi kollha tas-sensiela hija dwar min hu l-qattiel ta’ Bettina Gauci Fontana. Illejla l-produttuti tas-sensiela se jkunu qed jaqsmu l-ħsibijiet tagħhom mat-telespettaturi dwar min jaħsbu li huwa l-qattiel.

Tgħid se jikxfu xi ħaġa?

L-Għarusa: Minn wara ‘l Kwinti jixxandar illejla fuq TVM fis-8.50pm.