Filmat: “Tgħanniqa li tgħidlek grazzi” – L-Arċisqof

L-Arċisqof Charles Scicluna sostna li minkejja li r-residenti tad-Dar tal-Providenza ma jistgħux jgħidu grazzi bil-fomm għandhom tgħanniqa li tgħidlek grazzi u timlielek qalbek b’ħafna ferħ.

Hu kien qed jitkellem ma’ Arthur Caruana u Jesmond Saliba fuq l-istazzjon tar-radju 103 Malta’s Heart waqt il-maratona ta’ ġbir ta’ fondi ta’ 30 siegħa b’risq id-Dar tal-Providenza.

L-Arċisqof irringrazzja ħafna lil kull min ikkontribwixxa sa issa. Qal li “j’Alla s-somma tibqa’ tikber”. Qal li l-għan huwa li kull ċenteżmu li jinġabar jintuża għall-benefiċċju ta’ dawn ir-residenti. Spjega li din l-inizjattiva tfakkru fil-Festa tal-Ġenerożità li ssir nhar l-ewwel ta’ Jannar. Dan huwa avveniment annwali li jsir b’risq id-Dar tal-Providenza.

Mons. Scicluna rringrazzja wkoll lill-istazzjon 103 Malta’s Heart u sostna li r-rebranding tiegħu jfakkru wkoll fil-bżonn li kulħadd iħobb lil xulxin u jikber fl-imħabba. Insista li dan hu dak li juru r-residenti tad-Dar tal-Providenza.

Spiċċa jgħid li kull kontribuzzjoni, anke jekk waħda ċkejkna, qed tgħin u tkun parti minn opra kbira ta’ solidarjetà mibnija minn opri ta’ karità ta’ ħafna nies.