Filmat: Tgħallem kanzunetta fl-aħħar sigħat u rebaħ iż-Zecchino D’Oro

Is-serata finali taż-Zecchino D’Oro se tixxandar illejla fuq Rai Uno fid-9.30pm u se jkun ppreżentat minn Antonella Clerici ma’ Carlo Conti.

Dan il-festival iqanqal ħafna nostalġija fost il-Maltin u fl-istorja twila tiegħu dan il-festival ra l-parteċipazzjoni ta’ bosta Maltin u darba minnhom saħansitra intrebaħ minn Malti.

L-istorja ta’ Raymond Debono hi waħda interessanti. Meta tela’ għal dan il-festival hu kien jagħmel parti minn grupp ta’ kor fuq żewġ kanzunetti, iżda ġara li fl-aħħar ħinijiet it-tfajjel Salvatore Cocciolo li kellu jkanta La Giacca Rotta marad u d-diriġenti taż-Zecchino d’Oro taw opportunità lil Debono biex ikantaha hu din il-kanzunetta.

Minkejja l-limitazzjoni li Debono kellu għax bit-Taljan ma tantx kien jaf jitkellem u l-festival kien biss ftit sigħat ‘il bogħod, hu tgħallem din il-kanzunetta u saħansitra rebaħ ir-raba’ edizzjoni ta’ dan il-festival.

Debono mhux talli kien l-ewwel u l-unika Malti li rebaħ dan il-festival, iżda kien ukoll l-ewwel kantant ta’ nazzjonalità mhux Taljana li rebaħ dan il-festival li issa ilu għaddej għal dawn l-aħħar 62 sena.

Raymond Debono llum m’għadux magħna. Miet fl-1984.

Zecchino D’Oro 1962: Raymond Debono (rebbieħ) u John Sultana (It-8 post)

Fl-istess edizzjoni taż-Zecchino li kien rebaħ Debono kien hemm ukoll il-kanzunetta Il Cavallino Del Far West interpretata minn Paolo Olmi bi kliem u mużika tal-Malti John B. Cassar. Din il-kanzunetta kklassifikat fit-tielet post, filwaqt li John Sultana li kien qiegħed ukoll jikkompeti bil-kanzunetta Luna Park, spiċċa fit-tmien post.

Tul is-snin Malta ħadet sehem bosta drabi oħra f’dan il-festival u l-aħħar darba li pajjiżna pparteċipa fih kien fl-2009 meta Enya Magri ħadet sehem bil-kanzunetta Castelli di Sabbia. Kienet ikklassifikat fil-ħames post.